Left arrow Go Back

DISKORS TAL-FTUĦ MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOR LAWRENCE GONZI, FIL-KONFERENZA “LEJN L-IMPLIMENTAZZJONI TA’ POLITIKA IMPRENDITORJALI – FEJN INT L-INDIVIDWU FIN-NEGOZJU TKUN PRIJORITÀ” – SAN ĠILJAN – 25 TA’ ĠUNJU 2004

PR1065
Date Icon 25/06/2004

Sinjuri:

Pajjiżna jinsab għaddej minn tibdil kbir. Matul dawn l-aħħar seba’ ġimgħat bdejna ngħixu rejaltà ġdida li bilfors fissret proċess ta’ adattament u li f’ċerta każijiet involviet tibdil fil-mod kif isir jew jitmexxa n-negozju. Wara li pajjiżna ħa d-deċiżjoni finali dwar is-sħubija fl-UE - tista’ tgħid tnax il-xahar qabel – bdejna fażi ta’ preparazzjoni nazzjonali li kienet tolqot mhux biss l-infrastruttura legali, izda wkoll dik amministrattiva. Naturalment dan fisser ukoll li s-setturi ekonomiċi kollha ta’ pajjiżna bdew il-proċess biex jippreparaw ruħħom għal dak il-mument storiku meta s-suq tagħna kien ser isir parti integrali mis-suq intern tal-UE.  

Il-Gvern kien preparat biex l-għada li jispiċċaw iċ-ċelebrazzjonijiet għas-sħubija, isegwi bir-reqqa kollha mhux biss l-andament tas-suq, imma wkoll il-mod ta’ kif l-infrastruttura amministrattiva kienet qiegħda twieġeb għal dak li kien qiegħed iseħħ minn ġurnata għall-oħra. F’moħħna kellna l-impatt fuq l-operaturi ekonomiċi kollha, kemm dawk il-kbar kif ukoll in-negozji ż-żgħar ta’ pajjiżna, tal-biedja u nkluż dak ta’ l-agro-industrija. Ridna naċċertaw irwieħna li r-regoli tas-suq ħieles jiġu segwiti bir-reqqa b’mod li l-interess aħħari tal-konsumatur ikun protett. Ridna wkoll, però, li naraw illi s-sistemi li daħħalna biex intaffu l-impatt u biex nissorveljaw is-suq kienu qiegħdin jiffunzjonaw.  

Konna nafu li għall-ewwel ftit taż-żmien, kien ser ikun hemm bidla mill-konsumatur fl-għazliet tiegħu għal konsum sakemm jesperimenta bi prodotti ġodda li tfaċċaw fis-suq tagħna bi prezzjijiet kompetittivi. Imma konna u għadna konvinti li wara ftit taż-żmien il-konsumatur Malti kien ser japprezza ferm iżjed minn qabel li l-prodott lokali kien kompetittiv kemm fil-kwalità kif ukoll fil-prezz.

Ridna għalhekk li jkollna stampa aġġornata ta’ dak li kien qiegħed jiġri ġurnata b’ġurnata mill-1 ta’ Mejju ’l quddiem. Biex nkunu nistgħu nagħmlu dan, kellna bilfors nintroduċu sistemi amministrattivi li setgħu holqu xi tip ta’ nkonvenjent għal min irid jagħmel in-negozju imma li huma neċessarji għall-interess nazzjonali li aħna rridu nżommu quddiem għajnejna l-ħin kollu.  

Naturalment issa li beda jkollna esperjenza ta’ proċeduri ġodda, nistgħu nkunu f’pożizzjoni li nerġgħu nagħtu ħarsa lejn dawn is-sistemi u fejn hemm bżonn ntejbu l-operat tagħhom billi nintegraw u nissimplifikaw permezz ta’ sinerġiji bejn u ma’ xulxin, speċjalment bejn dipartimenti, ministeri u entitajiet tal-Gvern.  

Ninsab ċert, li b’Malta fl-Unjoni Ewropea, in-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju ser ikollhom aktar faċilitajiet sabiex itejbu l-operat tan-negozji tagħhom. Ġejt infurmat wkoll li ħafna negozjanti diġà raw differenzi kbar permezz tas-sħubija. Dan jinkludi t-tnaqqis tal-burokrazija f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-importazzjoni, it-tneħħija tal-levies u t-tibdil fil-mod ta’ kif tinġabar il-VAT.  

F’suq żgħir u limitat bħalma hu dak ta’ gżiritna, huwa importanti li bħala Gvern inkunu pronti fil-mod ta’ kif nirrispondu għall-ħtiġijiet tan-negozji ż-żgħar. Il-kompetittività tagħna hija relatata mal-kapaċità tagħna li nkunu flessibbli u nadattaw l-istrutturi tagħna sabiex jappoġġjaw lil min irid jinvesti kemm minn barra minn Malta kif wkoll ġewwa Malta stess.  

Huwa importanti ħafna li nifhmu dan. Jiena rrid infaħħar lil dawk l-uffiċjali pubbliċi kollha – u hemm ħafna minnhom – li qiegħdin jaqdu funzjoni kruċjali fil-proċess li għaddejin minnu bħalissa. Naturalment kull impjegat fis-settur pubbliku irid jifhem li għandu sehem x’jagħti f’dan ir-rigward. Irridu nfittxu mhux biss li nkunu produttivi, imma li nkunu konxji u napprezzaw l-importanza ta’ l-effiċjenza fil-mod kif nagħtu s-servizzi tagħna. Mhux aċċettabbli li xi industrija jew intraprenditur jitlef opportunità għaliex ikun hemm dewmien żejjed minn naħa tal-Gvern. Lanqas m’hu aċċettabbli li nagħtu servizz jew informazzjoni parzjali lil min ikun qiegħed ġenwinament ifittex opportunitajiet ta’ investiment. Fl-aħħar mill-aħħar, in-negozju joħloq il-ġid li minnu ngawdu aħna lkoll.  

Jidher biċ-ċar li qiegħed jikber l-interess għall-investiment ġewwa pajjiżna. Dan jindikawh kemm l-istatistika ppublikata li qed tirrapporta numru dejjem jikber ta’ individwi li jiddeċiedu li jaħdmu għall-rashom, kif wkoll l-applikazzjonijiet li qiegħed ikollha l-Malta Enterprise ta’ negozjanti barranin li jkunu jixtiequ jinvestu f’Malta.  Matul Mejju li għadda, il-Malta Enterpise iffirmat għaxar ‘Letters of Intent’ ma’ kumpaniji separati. Dan żgur jagħti sinjal ċar li qed jiżdied l-interess u l-kunfidenza li jsir negozju ma’ Malta.

Dawn l-opportunitajiet, minbarra li joħolqu l-ġid permezz ta’ ritmu ekonomiku aktar mgħaġġel, joħolqu wkoll opportunitajiet ta’ xogħol. Jidher ċar li dan it-tip ta’ investiment ġdid huwa kollu bbażat fuq il-ftuħ ta’ operazzjonijiet ta’ daqs żgħir jew medju. L-indikaturi juru li dan huwa l-qasam li joffri l-akbar opportunitajiet għalina u għaldaqstant hemm bżonn li niffukaw aktar fuq dawk is-setturi li jirrendu l-aktar u ninċentivaw lil dan is-settur tan-negozju.  

L-indikaturi ekonomiċi qed jindikaw wkoll li l-infiq minn naħa tal-konsumaturi qed jiżdied. Dan jawgura tajjeb kemm għall-ekonomija ta’ pajjiżna kif wkoll għan-negozjanti u s-self employed, l-aktar dawk li huma fis-settur tar-retail. Dan hu rifless ukoll fid-dħul tal-Gvern li s’issa hu fil-linja proġettata mill-Gvern u għalhekk jawgura tajjeb għall-pjan li għandna biex nindirizzaw id-defiċit ta’ pajjiżna – l-akbar u l-aqwa priorità li jiena għandi quddiemi bħalissa.  

Huwa għalqadstant importanti li nkomplu nkabbru l-fiduċja fin-negozju. Dan irid isir permezz ta’ azzjoni ffukata fuq diversi aspetti. Naf li s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo, qed jaħdem bla heda sabiex ikomplu jseħħu t-tibdiliet u r-riformi neċessarji kemm fl-istrutturi governattivi kif wkoll fis-setturi tan-negozji żgħar u s-self-employed.  

Naħseb li rridu nkomplu nsaħħu fuq dak li bnejna. Dan is-settur li huwa s-sinsla ta’ l-ekonomija ta’ pajjiżna jrid jissaħħaħ bit-twettiq sħiħ taċ-Ċarter Ewropew għan-Negozji ż-Żgħar. Proprju għalhekk nistieden lil kulħadd biex inkunu flessibbli u nfittxu sinerġija bejn l-entitajiet tal-Gvern bi sforz nazzjonali ħalli nżidu l-kompetittività ta’ negozji.  

Issa li aħna membri tal-Unjoni Ewropea jista’ jkun li nħossu aktar l-pressjoni ta’ kompetituri barranin. Dan m’għandux ikun ta’ theddida imma ta’ opportunità. Kull negozjant jew imprenditur għandu jfittex kif ser ikun aktar kompetittiv, mhux biss billi jassigura l-aqwa livelli ta’ produttività, imma billi jfittex opportunitajiet ta’ sħubija ma’ negozji simili li flimkien jistgħu joffru prodotti u servizzi aħjar u bi prezz anqas.  

Dan huwa l-mudell tal-valur miżjud li huwa parti integrali mill-politika ekonomika ta’ dan il-Gvern. Pajjiżna diġà jgawdi livell għoli ta’ għixien u l-unika mod kif dan nistgħu ntejbuh, bil-limitazzjonijiet tar-riżorsi tagħna, huwa billi nżidu l-valur ta’ dak li nipproduċu jew aħjar billi nagħmlu aktar b’anqas! 

F’dawn il-ġranet li għaddew kelli l-opportunità li niltaqa’ ma’ numru mdaqqas ta’ operaturi ekonomiċi importanti f’pajjiżna. Fost ħwejjeġ oħra huma staqsewni dwar il-viżjoni tal-Gvern għal pajjiżna. It-tweġiba hi ovvja. Il-Gvern tiegħi qal mill-ewwel li rridu naraw lil-pajjiżna jikber fl-Ewropa. Hi viżjoni li tara lill-pajjiżna jkompli jiżviluppa bħala ċentru Ewropew u Mediterranju fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, fil-qasam tat-turiżmu, fil-qasam ta’ l-industrija fejn hemm valur miżjud għoli, u fil-qasam tat-tekonoloġija avvanzata speċjalment dik ta’ l-informatika.  

Hi viżjoni li tara lis-settur tan-negozji ż-żgħar tagħna jkompli jiffjorixxi u jkun is-sinsla ta’ l-ekonomija tagħna.  

Hi viżjoni li tara lil poplu tagħna jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu, mhux biss billi jkollu l-opportunitajiet tax-xogħol imma li d-dħul tiegħu jkun tali li jgħix ħajja ta’ kwalità. Irridu li naraw lil-poplu tagħna jgħix f’ambjent nadif għaliex nafu li l-ambjent hu importanti għalina u għal uliedna imma huwa importanti wkoll għall-iżvilupp ta’ l-ekonomija tagħna, speċjalment it-turiżmu.  

Pajjizna hu ġojjel f’nofs il-baħar mediterranju, illum membru fl-Unjoni. Bil-hidma tagħna lkoll jista’ jikber biex isir ċentru ta’ attività ekonomika, kulturali u politiku f’dan ir-reġjun li jżżewweġ il-kosta ta’ l-Ewropa tan-nofs in-nhar mal-kosta ta’ l-Afrika ta’ Fuq.  

Imma biex naslu rridu nidħlu għall-isfida biex flimkien inneħħu minn nofs kull xkiel li stajna ġarrejna sa’ llum, imma li issa wasal iż-żmien li jinżabar darba għal dejjem. Fil-ġimgħat li ġejjin beħsiebni jiena personalment inniedi proċess li jħares lejn l-awtoritajiet u agenzji kollha li l-Gvern għandu jew li jiffinanzja biex naċċertaw rwieħna li qed isir kull sforz biex nilħqu l-għola livelli ta’ effiċjenza, bi spiża li tkun mhux biss ġustifikata imma kontrollata, u bl-anqas burokrazija possibbli. Naf li din hi aġenda iebsa, imma daqstant ieħor naf li ser insib l-kooperazzjoni ta’ kulħadd biex jintlaħaq l-iskop – li wara kollox huwa skop tagħkom daqs kemm hu tiegħi.  

Nixtieq nirringrazzja lis-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo ta’ l-impenn tiegħu u ta’ l-istedina sabiex inkun nista’ nindirizza din il-konferenza. Nawgura li dak li ser tiddiskutu llum iħalli l-frott u jkompli jkattar l-impenn tagħkom favur il-ħolqien ta’ ambjent li jistimola u jixpruna l-imprenditorjat f’pajjiżna.  

Grazzi  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tielet darba bil-produzzjoni ‘What’s Missing’ għall-istudenti

PR261939

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records one of the strongest improvements in gender equality in the EU

PR261938en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...

More Press Releases Right arrow