IL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN DWAR IL-PROBLEMA TAD-DROGA
Il-Ministeru tal-Gustizzja u l-Intern jirreferi għall-istqarrija ta’ l-Onor Gavin Gulia b’risposta għall-messaġġ tal-Ministru ta’ l-Intern fl-okkażjoni tal-Jum Dinji dwar id-Droga. L-istqarrija ta’ Dr Gavin Gulia hija prova ta’ kemm l-Oppożizzjoni tħares lejn il-problema tad-droga mill-lenti partiġġjana.
Ma hux veru li l-Gvern irid iressaq riforma fil-liġi dwar id-Droga waħdu, u mingħajr konsultazzjoni. Anzi l-Ministru ta’ l-Intern pubblikament kiteb (Il-Mument 16/05/04 ) li hu qed jistenna r-rapporti li ħejjew għaqdiet mhux governattivi nvoluti fil-qasam in kwestjoni li ħadmu fi grupp presjedut mill-President ta’ Malta , u li meta jaslu dawn il-proposti fil-futur qarib, dawn jiġu diskussi. Għalhekk mhux minnu li l-Gvern ma jridx jiddiskuti din ir-riforma, jew qed jinjora l-Oppożizzjoni.
Il-Gvern iżda jinnota b’sodisfazzjoni li l-attitudni intransiġenti ta’ l-Oppożizzjoni kontra kull bidla fil-liġi bdiet tixxaqqaq. Il-Partit Laburista fil-Parlament ivvota darbtejn kontra li persuna li tinqabad b’pussess ta’ droga f’ammonti żgħar li jindikaw li hi għall-użu personali tagħha ma tmurx il-ħabs bilfors. Ivvota kontra meta kien fil-Gvern fis-seduta tas-19 ta’ Jannar 1998 (Kumitat Permanenti Konsiderazzjoni Abbozzi ta’ Liġijiet) meta l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet emenda f’dan is-sens. Ivvotat għat-tieni darba kontra b’division meta l-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista fl-1999 - kif wiegħed li se jagħmel meta kien fl-Oppożizzjoni - biddel il-liġi sabiex vittmi tad-droga ma jmorrux il-ħabs bilfors kontrarjament għat-traffikanti tad-droga. Kien l-Onorevoli Gavin Gulia, fis-Seduta ta’ 20 Ottubru 1999, li bħala kelliem ewlieni ta’ l-Oppożizzjoni dwar l-Intern mexxa kampanja kontra din il-liġi li deherlu li min jinqabad l-Airport bi droga għall-użu personali għandu jmur il-ħabs (minimu ta’ sitt xhur priġunerija) bilfors u ivvota kontra.
Għalhekk żgur mhux ser ikun dan il-Gvern li sejjer ifixkel jew iżomm riformi iktar favur il-vittmi tad-droga, u malli fil-ġimgħat li ġejjin il-grupp tal-NGO’s presjedut mill-President (u nominat minnu u mhux mill-Ministru kif allegat minn Dr Gulia) jibgħat il-proposti, dawn jiġu diskussi fil-Kumitat Permanenti ghall-Affarijiet Socjali.
Il-Gvern jappella sabiex l-Oppożizzjoni tbiddel it-ton tagħha dwar dil-kwistjoni u taħdem mal-Gvern u kull min hu konċernat sabiex l-emendi jgawdu l-AKBAR ‘consensus’ possibbli.
Other Press Releases:
PR261939
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...
PR261938en