OPEN WEEKEND FL-ISTITUT TA’ L-AGRIKUMMERĊ
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea inawgura wirja u program ta’ attivitajiet fl-Istitut ta’ l-Agrikummerċ, wieħed mill-Istituti l-ġodda li min din is-sena qed jiffurmaw parti mill-MCAST. Il-Wirja Agri-Rurali se tkun miftuħa għall-publiku mit-18 sa l-20 ta’ Ġunju 2004. Dawk kollha nteressati fit-tema Agri-Rurali, b’mod partikolari l-istudenti nteressati fil-livell sekondarju, huma mistiedna jżuru l-Istitut ta’ l-Agrikummerċ li jinsab fl-Għammieri. Hemmhekk se jkun hemm nies mill-Istitut li se jispjegaw x’korsijiet joffri l-Istitut kif ukoll x’tip ta’ tagħlim u taħriġ isir. Fl-okkażjoni ta’ din il-wirja, wieħed ikun jista jżur ukoll il-Farm Sperimentali ta’ l-Għammieri.
L-Istitut ta’ l-Agrikummerċ hu wieħed mid-disa’ Istituti li għandu l-MCAST minbarra ċ-Ċentru ta’ l-MCAST f’Għawdex. L-Istitut ta’ l-Agrikummerċ flimkien ma’ l-Istitut tal-Kura fil-Komunita’ u l-Istitut ta’ l-Inġinerija Mekkanika ingħaqdu mal-Kulleġġ f’Settembru li għadda u għalhekk din hi l-ewwel sena li l-Istitut ta’ l-Agrikummerċ qed jopera bħala parti mill-MCAST. L-Istitut hu mibni fuq il-pedamenti ta’ żewġ istituzzjonijiet edukattivi li kienu diġa’ jeżistu jiġifieri l-Kulleġġ ta’ l-Agrikoltura Ġuże’ Micallef u l-iskola ta’ l-Agrikoltura Danny Cremona .
L-Istitut ta’ l-Agrikummerċ għandhu l-iskop li joħloq, jiżviluppa u jipprova ideat innovattivi fl-oqsma tat-tmexxija ta’ l-agrikummerċ, l-iżvilupp rurali, u aspetti relatati ma’ l-ekonomija f’dan is-settur. L-Istitut jipprovdi għażla wiesgħa ta’ korsijiet vokazzjonali u programmi ta’ apprendistat biex il-Kulleġġ ikun jista jwieġeb għall-ħtieġijiet ta’ min iħaddem u ta’ dan is-settur fl-ekonomija.
Waqt il-ftuħ, il-Ministru Galea qal li bħal ma żviluppaw Istituti oħrajn li ingħaqdu ma l-MCAST hekk ukoll l-Istitut ta’ l-Agrikummerċ se jkompli jiżviluppa fis-snin li ġejjin biex dawk li jkunu jridu jiksbu t-taħriġ f’dan il-qasam isibu l-opportunitajiet kollha li għandhom bżonn. Louis Galea qal li hi l-mira ta’ l-Istitut li jkompli jżid u jifrex l-ammont u l-livelli ta’ taħriġ li joffri u jrid ukoll joffri korsijiet għal dawk li diġa’ jinsabu f’dan il-mistjier u jridu jkomplu jitħarrġu biex jibqgħu aġġornati ma’ l-iżviluppi li jkunu qed iseħħu f’dan il-qasam.
Il-Ministru Louis Galea fisser li aktar kemm il-poplu jsir konxju mir-rabta bejn l-ikel u s-saħħa, aktar ser ikun hemm bżonn ta’ ħaddiema preparati u b’kompetenzi rikonoxxuti fil-biedja, trobbija ta’ bhejjem, sajd, u fil-management, marketing u assikurazzjoni ta’ kwalità f’dawn l-oqsma. Is-sħubija tagħna fl-UE tpoġġi fuqna obbligi biex intejjbu l-kwalità tal-prodotti u nsiru aktar kompetittivi. Għal dan l-iskop l-UE tagħti għajnuna finanzjarja speċjali.
Louis Galea temm jgħid li għalkemm dan l-Istitut hu l-iżgħar wieħed b’madwar 30 student, kemm dan l-istitut kif ukoll l-MCAST bħala kulleġġ iridu jkomplu jikbru biex jilqgħu fihom aktar student u b’hekk flimkien ma l-espanzjoni fl-Universita’ noqorbu biex nilħqu l-mira li jkollna mal-85% ta’ dawk li jkollhom 22 sena b’livell ta’ edukazzjoni post-sekondarja.
Other Press Releases:
PR261938en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...
PR261938