Left arrow Go Back

KONFERENZA MINISTERJALI F’BUDAPEST DWAR IS-SAĦĦA U L-AMBJENT - IL-FUTUR TA’ WLIEDNA

PR1018
Date Icon 17/06/2004

Fil-belt kapitali ta’ l-Ungerija Budapest bejn it-23 u l-25 ta’ Ġunju se tkun qed tiltaqa’ ir-raba’ konferenza Ministerjali li se tiddiskuti l-impatt ta’ l-ambjent fuq is-saħħa tat-tfal.  Għal din il-konferenza organizzata mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, hu mistenni li jattendu l-Ministri responsabbli mis-Saħħa u l-Ambjent minn 52 pajjiż fl-Ewropa.  Ma’ dawn se jingħaqdu wkoll organizzazzjonijiet mhux-governattivi u soċjali, biex flimkien jieħdu deċiżjonijiet u jaffermaw l-impenn tagħhom biex inaqqsu l-perikli għal saħħitna kawżati minn theddid ambjentali, l-aktar fost it-tfal u l-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità Louis Deguara se jmexxi d-delegazzjoni Maltija għal din il-konferenza li se tinkludi wkoll rappreżentanza mill-Ministeru għall-Ambjent u Affarijiet Rurali u l-Ministeru għat-Toroq u Żvilupp Urban.  

F’din il-konferenza Malta digà kellha rwol importanti meta f’Marzu li għadda organizzat konferenza pre-ministerjali li għaliha attendew rappreżentanti minn 47 pajjiż.  F’Malta d-delegati hejjew il-qafas ta’ dikjarazzjoni li issa għandha tiġi diskussa fuq livell ministerjali u finalment iffirmata mill-ministri ta’ 52 pajjiż f’Budapest l-Ungerija.  

Il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità flimkien mal-Ministeru ta’ l-Ambjent u Affarijiet Rurali, fuq talba ta’ l-Uffiċċju Reġjonali ta’ l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, qegħdin jorganizzaw attività fl-iskola primarja tan-Naxxar Dun Karm Scerri biex jingħata għarfien għal din il-konferenza, li se tiddiskuti temi li għandhom relevanza għat-tfal, saħħithom u l-ambjent.  L-attività għandha t-tema “Is-Saħħa u l-Ambjent ta’ Madwarna” u tiffoka fuq tliet oqsma; il-perikli fit-toroq, l-obesità u t-tniġġis ta’ l-arja.  

Il-Ministru Louis Deguara qal li dawn it-tliet oqsma ġew identifikati minn diversi studji li jpoġġu f’riskju t-tfal Maltin u se jkunu punti ewlenin li ser jigu ttrattati minn pjan ta’ azzjoni li se joħroġ mill-konferenza - Children’s Environment And Health Action Plan (CEHAPE).

Il-gvern permezz ta’ kampanji kontinwi jippromwovi dieta li ma tħaxxinx u li ma tagħmilx ħsara għas-saħħa.  Dawn il-kampanji huma mmirati b’mod speċjali lejn it-tfal biex titnissel fihom kuxjenza dwar dieta bilanċjata.  Dwar l-arja, il-gvern dan l-aħħar introduċa regolamenti ġodda dwar it-tipjip.  Għandna persentaġġ għoli ta’ żgħażagħ li jpejjpu u dan huwa inkwetanti ferm.  Però għandna numru akbar ta’ tfal u żgħażagħ li intortament huma esposti għad-dħaħen tas-sigaretti, kemm fid-djar kif ukoll f’postijiet pubbliċi u dawk ta’ divertiment.  Il-gvern qiegħed jieħu miżuri biex dawn il-perikli jiġu minimiżżati kemm jista’ jkun.  

Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità qal li l-Gvern huwa konxju tar-rabta li teżisti bejn is-saħħa u fatturi ambjentali, kif ukoll tal-vulnerabilità tat-tfal għall-effetti fuq is-saħħa minħabba l-impatt ambjentali.  Il-promozzjoni tas-saħħa f’kull aspett u qasam hija iċ-ċavetta biex inkunu aktar b’saħħitna.  Fuq livell lokali t-tfal tagħna nistgħu inħarsuhom minn korrimenti u mard billi s-setturi kollha involuti jaħdmu biex jitfassal pjan koordinat biex uliedna jgħixu f’ambjent nadif.  Pjan li biex ikun implimentat fuq bażi nazzjonali jeħtieġ illi l-koperazzjoni li kien hemm bejn diversi ministeri u entitajiet differenti, biex saret il-konferenza pre-ministerjali u din l-attività tal-lum, tkompli tissaħħaħ.  

Fil-kuntest internazzjonali, fil-konferenza f’Budapest wieħed mill-għanijiet hu li tinħoloq solidarjetà bejn it-52 pajjiż u kif jista’ jsir possibbli l-bdil ta’ informazzjoni biex jiġu sostnuti pajjiżi fejn it-theddid ambjentali għat-tfal huwa aktar preżenti.  Dawn il-pajjiżi jistgħu jiġu mgħejjuna kemm teknikament kif ukoll finanzjarment biex joperaw b’aktar effettività.  

It-tfal ta’ l-iskola primarja tan-Naxxar assistew għal esibizzjoni u taħdida mit-taqsima tal-pulizija tat-traffiku li spjegaw lit-tfal kif jevitaw il-perikli fit-toroq. Uffiċjali mid-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa kellmu lit-tfal fuq ikel bnin u t-tfal flimkien ma’ l-għalliema ppreparaw kolazzjon b’ingredjenti li ma jagħmlux ħsara għas-saħħa.   Fid-daħla ta’ l-iskola ittellgħet ukoll esibizzjoni dwar l-arja fl-ambjent fejn jgħixu t-tfal.  

Il-Ministri Louis Deguara rringrazzja kemm lill-iskola, lis-sezzjoni tal-pulizija tat-traffiku u lid-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa għall-involviment tagħhom f’din l-attività u dan jawgura tajjeb għall-aktar inizjattivi biex uliedna jitrabbew f’ambjent mingħajr riskji.    

Website tal-Konferenza: hhtp://www.euro.who.int/budapest2004

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records one of the strongest improvements in gender equality in the EU

PR261938en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta tirreġistra wieħed mill-akbar avvanzi fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE

PR261938

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta tirre...

More Press Releases Right arrow