Left arrow Go Back

APPARAT ĠDID GĦALL-ISPTAR ĠENERALI T’GĦAWDEX

PR1016
Date Icon 17/06/2004

Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, ġiet ippreżentata b’apparat ġdid għall-użu fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, permezz ta’ donazzjoni mill-Gozo Cancer Club.

Din id-donazzjoni ta’ apparat, b’valur ta’ madwar Lm7,000, tikkonsisti f’Dialysis Chair u Wall Panel b’Outlets doppji, kif ukoll Holter Recording. Il- Gozo Cancer Club huwa magħmul minn pazjenti tal-kanċer, familjari tagħhom u anke persuni oħra mhux neċessarjament affettwati mill-kanċer.  

Id-Dialysis Chair u l-Wall Panel se jintużaw fir-Renal Unit li l-Ministeru għal Għawdex inawgura f’Awissu 2000. In-numru ta’ pazjenti residenti f’Għawdex li jeħtieġu trattament fir-Renal Unit żdiedminn 5 pazjenti f’Awissu 2000 għal 11-il pazjent f’Diċembru 2003. Dan flimkien ma’ diversi pazjenti oħra residenti f’Malta li, iżda, jkunu Għawdex u jeħtieġu trattament. Illum, qed jagħmlu użu mir-Renal Unit 7 pazjenti, peress li 4 pazjenti għamlu trapjant tal-kliewi iktar kmieni din is-sena.  

L-apparat li kien hemm fir-Renal Unit s’issa kien kapaċi jitratta żewġ pazjenti fl-istess ħin, filwaqt li pazjent ieħor jiġi trattat fl-Isolation Section tal-Unit. L-apparat il-ġdid issa se jkun jista’ jitratta erba’ pazjenti flok tnejn fl-istess ħin. Pazjenti ta’ ċertu tip ta’ kanċer ikunu jistgħu jgħixu ħajja itwal jekk jieħdu t-trattament tad-dialysis li toffri r-Renal Unit.  

Il-Holter Recording jintuża fid-Dipartiment ta’ l-ECG sabiex isiru testijiet marbuta mal-funzjoni tal-qalb. Dan l-aħħar, it-tip ta’ apparat li kien jintuża mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex, li kien jista’ jakkomoda pazjent fil-ġimgħa u li kien misluf lilu mill-Isptar San Luqa, reġa’ ittieħed lura Malta , għaliex kien meħtieġ mill-istess sptar. Dan kien ifisser li matul dan l-aħħar perijodu, il-waiting list ta’ pazjenti li kienu jeħtieġu dawn it-tip ta’ testijiet kienet twalet. Issa, il-Gozo Cancer Club qiegħed jagħti b’donazzjoni għall-użu ta’ l-Isptar Ġenerali t’Għawdex holter recording iktar modern minn dak preċedenti li jista’ jakkomoda tlett pazjenti fil-ġimgħa.  

Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono irringrazzjat lill-Gozo Cancer Club għal din id-donazzjoni sostanzjali ta’ llum li qed tiġi minn għaqda mhux governattiva li għandha għal qalbha settur delikat mill-qasam u l-provvista ta’ servizzi tas-saħħa fil-gżira ta’ Għawdex.  

Hija qalet li l-involviment tas-settur privat, speċjalment dak volontarju, f’qasam daqshekk importanti għall-kwalita’ ta’ ħajja li ngħixu huwa ċertament inizjattiva ta’ min jinkoraġġiha. Il-Ministru Debono faħħret lill-Gozo Cancer Club li sa mit-twaqqif tiegħu fl-1997 ta żewġ donazzjonijiet oħra ta’ apparat għall-użu fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex: Spirometer għal testijiet fil-pulmun u Colonofiberscope għal testijiet oħra nterni. Din ta’ llum, qalet il-Ministru Debono, hija l-ikbar għotja li ta dan il-club b’riżq il-pazjenti fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.  

Il-Ministru Debono sostniet li l-qasam tas-saħħa huwa wieħed mill-oqsma l-iktar importanti għall-ħtiġijiet tas-soċjeta’ ta’ llum. Hija qalet li l-Ministeru għal Għawdex għaraf dan u qiegħed lil dan is-settur fost l-ogħla prijoritajiet fil-ħidma tiegħu matul dawn l-aħħar snin. Hija qalet li l-Ministeru tagħha ħadem sabiex kemm jista’ jkun, il-bżonnijiet mediċi tal-pazjenti residenti f’Għawdex ikunu jistgħu jintlaħqu f’Għawdex stess.  

Hija rreferiet għall-proġetti ta’ modernizzar li l-Ministeru għamel matul dawn l-aħħar sitt snin u semmiet, fost l-oħrajn, il-ftuħ ta’ l-ewwel Renal Unit f’Għawdex u l-Isolation Unit, il-ftuħ mill-ġdid tad-Dipartiment ta’ l-isterilizzar u l-modernizzar fis-sezzjoni taż-żamma tar-records mediċi tal-pazjenti, il-modernizzar ta’ wieħed miż-żewġ operating theatres u l-ftuħ ta’ kliniċi ġodda fid-dipartiment ta’ l-Outpatients, it-tkabbir fid-dipartiment tal-Emerġenza, il-modernizzar fis-swali ta’ l-irġiel, nisa u anzjani rġiel u l-ftuħ ta’ Residenza Sant’Anna kif ukoll l-akkwist ta’ apparat li jiffaċilita x-xogħol tal-mediċi u l-ħtiġijiet tal-pazjenti f’Għawdex.  

Il-Ministru Debono qalet ukoll li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed iħejji l-preparamenti neċessarji sabiex fil-ġejjieni qrib iwettaq modernizzar tas-sala tal-Maternita’, tinfetaħ Gyneacology unit u jsir tibdiliet oħra fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records one of the strongest improvements in gender equality in the EU

PR261938en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta tirreġistra wieħed mill-akbar avvanzi fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE

PR261938

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta tirre...

More Press Releases Right arrow