ATTIVITAJIET KULTURALI MATUL IS-SAJF
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li matul is-sajf se jkun hemm sensiela ta’ attivitajiet kulturali li din is-sena se jibdew u jintemmu bl-Orkestra Nazzjonali, li nhar il-Ħadd 20 ta’ Ġunju se tniedi Festa Mużika, filwaqt li se tagħlaq l-attivitajiet fil-21 ta’ Settembru, b’kunċert fil-bitħa tal-Palazz Presidenzjali.
Francis Zammit Dimech qal dan meta kien qed ihabbar Programm ta’ attivitajiet kulturali li ser isiru matul dan is-sajf. Huwa kompla jghid illi l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti waqqaf kumitat appost biex imexxi dawn l-attivitajiet, li parti minnhom huma organizzati minnu, filwaqt li parti oħra huma mgħejjuna finanzjarjament minnu.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-attivitajiet huma mifruxa f’Malta u Għawdex. Hu qal li f’Għawdex, il-Victoria International Arts Festival ser ittella’ 24 attivita’ bejn Gunju u Lulju. Dawn jinkludu mużika, ballet, qari ta’ kitba letterarja, kunċert tad-debuttanti, l-Edinburgh University Chamber Choir, kunċert korali mill-kor ta’ l-irġiel ta’ Newcastle, Poyphonic Versper,vocal recital, violin recital, leider recital u violin recital u musika medjovali. L-iStradivari Season, bħala parti minn dawn l-attivitajiet, se jtellgħu 16-il-programm muzikali u orkestrali fil-bitħa tal-Palazz Presidenzjali, fil-Palazz Vilhena, f’Ta’ Liesse, f’Manoel Island u fil-Lukanda Phoenicia.
Francis Zammit Dimech qal li l-attivitajiet jinkludu l-Evenings On Campus fejn jittellgħu films u Greek play filwaqt li f’Lower St Elmo l-East to West Events se jtellgħu l-World Music Festival. Hu qal li f’Awissu il-Kunsill Malti għal-Kultura u l-Arti jtella’ Festival Malta fiċ-Ċentru ta’ Kreattivita’, Kavalier ta’ San Gakbu – festival ta’ drama. Fl-istess bini jittella’ wkoll l-Adam Darius Workshop.
Francis Zammit Dimech qal li attivita’ oħra li tagħmel parti minn dan il-programm kulturali tas-sajf hi l-Malta Jazz Festival li jinżamm fis-16, 17 u 18 ta’ Lulju u li sar parti mill-kalendarju ta’ attivitajiet peress li jiġbed lejn pajjiżna ġazzisti ewlenin għal wirjiet straordinarji ta’mużika jazz.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li dan hu programm ambizzjuz ta’ attivitajiet kulturali maħsuba biex jolqtu l-gosti ta’ dawk kollha midħla ta’ l-arti u l-kultura. Il-ftuħ ta’ dawn l-attivitajiet se jkun il-Festa Muzika li se twassal biex f’nofs ta’ nhar wieħed, se jittellgħu kunċerti fi tmien lokalitajiet f’Malta. Hu qal li meta wieħed iqis l-interess kbir li l-poplu Malti għandu fil-baned tal-ibliet u l-irħula tagħna, festa bħal din tikber fis-sinifikat tagħha u bla dubbju ta’ xejn tħalli impatt fuq il-poplu.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li dawn l-attivitajiet kulturali tul is-sajf huma ta’ attrazzjoni għall-Maltin u t-turisti li jkunu fostna. Hu qal li dawn qed ikomplu jagħtu dimensjoni kulturali lis-settur turistiku ta’ pajjiżna li sal-lum qed jattira aktar minn 200,000 turist li jżuruna għall-wirt storiku u kulturali kif ukoll għall-attivitajiet kulturali li jsiru.
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura qal li jemmen li attivitajiet bħal dawn igħinu biex il-Maltin isiru aktar konxji mill-kapaċitajiet kulturali li bih huma mogħnija tant Maltin u jgħinu biex aktar turisti jżuru pajjiżna mbuttati minn attivitajiet ta’ dan il-livell.
Francis Zammit Dimech qal li ried jirringrazzja lil kull min ta sehmu biex dawn l-attivitajiet ikunu jistgħu jsiru b’suċċess.
Other Press Releases:
PR261938en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...
PR261938