EKONOMIJA B’XOGĦOL GĦAL KULL MIN IRID JAĦDEM
“Il-Gvern hu determinat li jkompli jwettaq id-deċiżjonijiet u l-bidliet kollha meħtiega biex jara li l-ekonomija tirranka f’ritmu ta’ tkabbir, b’saħħtu biżżejjed biex ikun hawn xogħol għal kull min irid jaħdem. Jekk l-ekonomija tikber, il-problema ma tibqax in-nuqqas ta’ impjiegi, iżda n-nuqqas ta’ ħaddiema. Hu għalhekk li l-pajjiż irid ikompli jieħu l-miżuri meħtieġa biex jagħmilha possibbli li n-nisa b’responsabbiltajiet ta’ familja, jkunu jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Il-pajjiż ma jistax jirbaħ din l-isfida b’suċċess sħiħ, mingħajr sforz nazzjonali bil-parteċipazzjoni tas-soċjeta` ċivili kollha, b’mod partikolari tal-Unjons u ta’ Min Iħaddem.”Dan sostnih Louis Galea, il-Ministru responsabbli għall-impjiegi, meta ndirizza l-Forum organizzat mid-Diviżjoni Riċerka u Żvilupp tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (ETC), dwar “In-Nisa u d-Dinja tax-Xogħol - Kultura jew Kondizzjonijiet?”, fil-Lukanda Phoenicia Hotel, Floriana.
Louis Galea beda biex fisser li kulħadd irid jifhem x’dinja ta’ xogħol qed tiżviluppa illum u kemm hi differenti minn tal-bieraħ. Dak li jiġri fid-dinja u fis-soċjeta`, bit-tajjeb u l-ħażin tiegħu, qed ibiddel il-mod kif il-familji jgħixu u jaħdmu.
“Huwa fatt li l-kwalita` tal-ħajja f’Malta tant tjiebet li m’għadux aktar possibbli noħolqu impjiegi b’pagi baxxi. Lanqas mhu possibbli li l-Gvern jippermetti mpjiegi bla bżonn u mhux produttivi fis-settur pubbliku. Ċerti xogħlijiet fl-industrija tal-kostruzzjoni u xogħol ieħor ta’ strapazz mhux qed isibu l-ħaddiema li għandhom bżonn. Huwa fatt ukoll li f’oqsma ta’ servizzi u teknoloġija għandna bżonn aktar ħaddiema mħarrġa u kompetenti. Għalhekk il-Gvern qed jaħdem biex jassigura ambjent, burokrazija u infrastruttura li jistimolaw l-ekonomija, l-investiment, u l-ħolqien ta’ l-impjiegi.
Is-suċċess ta’ din il-politika bilfors iqanqal il-kwestjoni tas-sehem tal-mara fid-dinja tax-xogħol. Din hi kwestjoni fejn insibu nisġa komplessa ta’ valuri, kultura, mentalita`, fatturi ekonomiċi u soċjali, prattiċi ta’ xogħol, aspetti ta’ kompetittivita` u produttivita`. Hu għalhekk tajjeb ħafna li l-KXT u l-NSO wettqu riċerka biex jeżaminaw x’inhuma l-fatturi kritiċi li jinfluwenzaw il-mara toħroġ taħdem jew tirritorna fis-suq tax-xogħol. Dan hu suggett ta’ rilevanza immedjata mhux biss għall-organizazzjonijiet b’interess fl-istatus tal-mara, iżda wkoll għas-soċjeta` kollha u għal diversi dipartimenti tal-Gvern.
Il-Gvern preżenti mhux biss hu mibni fuq il-valur ta’ l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, iżda għandu ir-‘record’ ta’ miżuri posittivi biex din l-ugwaljanza tissarraf kuljum fil-ħajja tas-soċjeta` tagħna. Il-Kostituzzjoni, liġijiet speċjali, u strutturi pubbliċi huma kollha frott tal-Gvern preżenti li jemmen bil-fatti li l-ebda qasam tal-ħajja tal-poplu tagħna ma tista` tirnexxi bis-sħiħ mingħajr is-sehem fuq bażi ta’ ugwaljanza bi dritt, tal-mara Maltija u Għawdxija. Sa ftit tas-snin ilu, il-mara kienet għadha qiegħda tiġi mitluba tieqaf taħdem hekk kif tiżżewweġ. Hija saħansitra kienet titħallas paga inqas għall-istess xogħol minħabba li kienet mara. Il-mara kienet ukoll tingħata t-tieni post fil-familja fejn hija ma kellha l-ebda setgħa fuq il-propjeta` miksuba wara ż-żwieġ.
Is-sehem tal-mara fid-dinja tax-xogħol jinħtieġ infrastruttura legali u soċjali moderna bħala appoġġ għal żvilupp fil-kultura ġenerali u fil-prattiċi tax-xogħol b’mod partikolari.
Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza bejn l-Irġiel u n-Nisa imwaqqfa din is-sena, il-liġi tal-2003 dwar l-Ugwaljanza bejn l-Irġiel u n-Nisa, u l-Att dwar ix-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali huma is-sinsla ta’ l-infrastruttura legali meħtieġa. Diversi dipartimenti u aġenziji tal-Gvern illum huma proattivi ħafna biex ixettlu l-kultura u l-mentalita`li tirrikonoxxi bil-fatti ta’ kuljum din l-ugwaljanza.
Fil-qasam politiku, il-Gvern qed juri kontinwament bil-fatti kemm irid iġib il-quddiem l-istatus tal-mara billi l-Membri Parlamentari kollha nisa fuq in-naħa tiegħu, tahom responsabbilita` ministerjali, għadu kif ħatar l-ewwel Segretarju Permanenti mara, wettaq bidliet politiċi kbar li daħħlu l-mara fil-gvernijiet lokali, u il-ħin kollu jinsisti biex aktar nisa jingħataw l-opportunita` ta’ tmexxija f’kull livell.
Meta wieħed jitkellem fuq il-mara fid-dinja tax-xogħol, irid mill-ewwel jiddistingwi n-nisa li għandhom xi responsabbilita` jew trobbija ta’ l-ulied jew ta’ kura u ħarsien ta’ membri anzjani jew bi bżonnijiet speċjali fil-familja. In-nisa li ma jaqgħux f’din il-kategorija diġa` jgawdu l-milja tal-ugwaljanza anke jekk fadal xi jsir biex in-numru ta’ dawn fil-livelli ta’ management u tmexxija jiżdied.
Fis-suq tax-xogħol sal-eta ta’ ħamsa u għoxrin sena insibu li hemm nisa jaħdmu kważi daqskemm irġiel. Iżda wara din l-eta` in-numru ta’ nisa jonqos biex għandna kwazi 34% minn dawk jaħdmu nisa paragun ma’ 73% irġiel. Tajjeb wieħed jgħid li fl-aħħar għaxar snin ir-rata tan-nisa jaħdmu żdiedet b’14%. Hemm ħafna aktar nisa jaħdmu part-time bħala l-impjieg prinċipali tagħhom milli irġiel, u hemm ħafna anqas nisa li jaħdmu għal rashom. Ir-rata medja ta` nisa jaħdmu fil-pajjiżi membri ta` l-Unjoni Ewropea hija ta` madwar 56%.
Fost il-fatturi għal dawn id-differenzi insibu : it-trobbija ta’ l-ulied; in-nuqqas ta’ faċilitajiet għalħarsien ta’ ulied taħt it-tliet snin; u id-diffikultajiet biex mara tirritorna fis-suq tax-xogħol wara snin maqtugħa minnu.
Skond il-KXT iċ-ċifra ta’ nisa jirreġistraw għax-xogħol hi ta’ 8.2% għalkemm in-nisa idumu jirreġistraw għax-xogħol anqas mill-irġiel. Skond il-Labour Force Survey żewġ terzi tan-nisa li ma jaħdmux jgħidu li għandhom responsabbiltajiet tal-familja jew kura fil-familja, l-oħrajn jgħidu għaliex huma irtirati.
Sa minn tliet snin it-tfal kollha jmorru fil-Kindergarten iżda għal sitt sigħat biss fil-ġurnata u mhux fil-vaganzi ta’ l-iskola. Għal tfal taħt it-tliet snin, in-nanniet u l-familja estiża għadhom l-appoġġ l-aktar importanti. Ma jeżistux faċilitajiet biżżejjed u tal-kwalita` meħtieġa għall-ħarsien ta’ tfal f’din l-eta`, filwaqt li mhux il-ġenituri kollha jistgħu iħallsu l-miżati li jeżistu llum.
Fil-qasam ta’ l-edukazzjoni nistgħu ngħidu li seħħet rivoluzzjoni taħt il-Gvern preżenti. Minn 23% in-numru ta’ nisa fil-livell post-sekondarju u terzjarju tela` għal 50%, filwaqt li fl-Universita` biss leħaq iċ-ċifra ta’ 60%, għalkemm jonqos xi jsir biex aktar nisa fl-Universita` u fl-MCAST jidħlu f’oqsma ta’ studju u taħriġ tradizzjonalment assoċjati ma’ l-irġiel bħal inġinerija, teknoloġija, xjenza, arkittetura, u kompjuters. Dawn l-għażliet jistgħu ikunu dipendenti fuq it-trobbija tat-tfajliet li jiġu imressqa kemm mill-ġenituri u kif ukoll mill-għalliema tagħhom lejn suġġetti ikkunsidrati minnhom bħala adattati għan-nisa. Jista` jkun ukoll li t-tfajliet qegħdin jagħżlu dawn il-karrieri għax jiddejqu jaħdmu f'ambjent iddominat totalment mill-irġiel. L-għażla tal-karriera jista` jkun hija ddominata wkoll mill-ħtiġijiet familjari fejn in-nisa jagħżlu karrieri li permezz tagħhom jirnexxielhom ilaħqu kemm mal-familja u kif ukoll mal-karriera.
Minn naħa l-oħra in-nisa li jaħdmu, jagħżlu karrieri marbuta mar-rwol tan-nisa fis-soċjeta`. Ħafna jaħdmu fis-settur tas-servizzi u l-ħwienet jew jaħdmu bħala skrivana. Sa ftit taż-żmien ilu numru konsiderevoli kienu għadhom qegħdin jaħdmu bħala machine operators fis-settur tal-manifattura. Ftit huma dawk in-nisa li jaħdmu f’pożizzjonijiet għolja kemm fis-settur pubbliku u kif ukoll dak privat. Sa Diċembru 2003 ir-rata tan-nisa f’pożizzjonijiet għolja kienet 5.5% fil-waqt li dik ta` l-irġiel kienet 11.1%. Jidher li kull ma jmur qiegħed ikun hemm żieda fin-numru ta` nisa professjonisti dan minħabba in-numru akbar ta` nisa li qegħdin ikomplu jistudjaw, madanakollu ftit huma dawk in-nisa li qegħdin iħaddnu pożizzjonijiet għolja ta` tmexxija. Li jkollna nisa f’dawn il-pożizzjonijiet huwa importanti għax b’hekk ikollna iktar lok għal diversita` u nkunu nistgħu nassiguraw iktar li l-ħtiġijiet tan-nisa ikunu protetti.
Il-qafas leġislattiv qiegħed ukoll joffri lin-nisa li joħorġu jaħdmu numru ta` miżuri ġodda li ma kinux jeżistu qabel ħlief għal dawk in-nisa li jaħdmu fis-settur pubbliku bħall-‘leave’ speċjali għaż-żamma u l-kura ta` tfal żgħar. Huma qegħdin joffru ukoll iktar protezzjoni għal dawk il-ħaddiema li jaħdmu 'part-time' li kif jaf kulħadd ħafna minnhom huma nisa. Insibu fihom aktar protezzjoni għal dawk il-persuni li jistgħu isofru minn abbuż sesswali inkluż abbuż fuq il-post tax-xogħol. Dawn il-miżuri flimkien ma` tibdiliet oħra qed iwasslu biex ikollna soċjeta` aktar ugwali, soċjeta` li tagħraf il-ħtiġijiet u d-drittijiet ta` kull wieħed u waħda minnha.
Id-differenzi jidhru wkoll meta inħarsu lejn l-ammont ta` sigħat li n-nisa jaħdmu. In-nisa jaħdmu ħafna inqas sigħat minn dak ta` l-irġiel dan għaliex ir-rata ta` nisa li jaħdmu fuq bażi part-time jew sigħat imnaqqsa huwa ferm akbar minn dak ta` l-irġiel. Ir-raġuni prinċipali li n-nisa jagħżlu li jaħdmu sigħat imnaqqsa tkun li jkunu jridu jieħdu ħsieb it-trobbija tat-tfal u l-familja.
Għalkemm il-fatt li n-nisa jiddeċiedu jaħdmu fuq bażi part-time huwa wieħed tajjeb għax b’hekk huma jkunu jistgħu ikomplu jipparteċipaw fil-qasam tax-xogħol u jlaħħqu mal-obbligi tagħhom lejn il-familja, għandna noqgħodu attenti li dawn in-nisa igawdu minn kundizzjonijiet ta` xogħol tajba daqs ta` ħaddieħor.
Barra minn hekk il-fatt li n-nisa qegħdin joħorġu jaħdmu fuq bażi part-time m’għandiex titqies bħala l-unika soluzzjoni ta` kif wieħed iħajjar aktar nisa joħorġu jaħdmu fis-suq tax-xogħol. Hekk kif jispiċċaw mill-obbligi tax-xogħol, in-nisa għadhom qegħdin ikunu prinċiparjament responsabbli mit-trobbija tat-tfal u tal-familja. Jekk in-nisa mhux ser jingħataw dak l-appoġġ meħtieġ u l-istrutturi meħtieġa biex huma jlaħħqu kemm max-xogħol u kif ukoll mal-familja nirriskjaw li jkollna persuni mdejjqa u mhux kuntenti fil-ġirja tagħhom biex ilaħħqu ma` l-impenji differenti fil-ħajja tagħhom.
In-nisa jeħtieġu l-għajnuna biex irabbu t-tfal tagħhom, biex jieħdu ħsieb il-familjari tagħhom, biex ikollhom iċ-ċans jiżviluppaw il-personalita` tagħhom permezz tax-xogħol u attivitajiet oħra fis-soċjeta`. In-nisa ma jistgħux jagħmlu dan kollu waħedhom. Jeħtieġu l-appoġġ kontinwu tas-sieħeb u tal-familji tagħhom, jeħtieġu servizzi għaż-żamma u l-kura tat-tfal ta` kwalita` għolja, jeħtieġu postijiet tax-xogħol li jkunu miftuħa għall-bżonnijiet personali tal-ħaddiema tagħhom. Dawn il-ħtiġijiet iridu jiġu ikkunsidrati u meqjusa f’kull deċiżjoni li tittieħed kemm fuq il-postijiet tax-xogħol, fid-djar u kif ukoll minn awtoritajiet għolja inkluż il-Gvern.
Għal dan l-iskop din is-sena ġiet imwaqqfa l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni u l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa biex tipproteġi d-drittijiet tal-persuni fl-oqsma kollha tal-ħajja inkluż dak tax-xogħol. Permezz ta` din il-Kummissjoni ix-xogħol f’dan il-qasam ser ikun iktar koordinat u b’hekk jista` jiġi assigurat li l-pożizzjoni tan-nisa fis-soċjeta` titjieb dejjem aktar.
Il-pożizzjoni tan-nisa fil-qasam tax-xogħol hija ukoll wieħed mis-suġġetti ewlenija tal-Pjan Nazzjonali għax-Xogħol li qiegħed jiġi diskuss bħalissa. Il-partijiet kollha qegħdin iħossu l-ħtieġa li post il-mara fid-dinja tax-xogħol huwa importanti kemm għax l-ekonomija ta` Malta u r-riżorsi tagħha jiġu użati aħjar u kif ukoll għax ikun hemm il-kontribut siewi tal-ħaddiema kollha. Dawn l-inizjattivi jawguraw tajjeb ħafna għall-futur u għall-pożizzjoni tan-nisa fis-soċjeta`. Il-kontribut tan-nisa huwa wieħed siewi u meħtieġ f’kull qasam inkluż dak tad-dinja tax-xogħol.”Other Press Releases:
PR261938en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...
PR261938