Left arrow Go Back

IL-KAP TA’ L-OPPOŻIZZJONI JAĊĊETTA LI JTELLA’ L-PRIVATIZZAZZJONI TAS-SEA MALTA GĦAD-DISKUSSJONI TAL-KUMITAT TAL-KONTIJIET PUBBLIĊI

PR0941
Date Icon 22/06/2004

Il-Gvern jesprimi sodisfazzjon li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni fl-aħħar, wara sensiela ta’ stqarrijiet bl-isfida tal-Gvern, aċċetta li jtella’ l-privatizzazzjoni tas-Sea Malta għad-diskussjoni tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fil-Parlament. Hemmhekk, f’kumitat fil-kontroll tiegħu bħala Kap ta’ l-Oppożizzjoni jista’ jkun mistħarreġ kull suspett li jista’ għandu l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni u trid tkun imwieġba kull mistoqsija li jista’ għandu.

Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni qal li qabel itella’ l-privatizzazzjoni tas-Sea Malta quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi jrid li ssir inkjesta. Din hi talba sorprendenti m’hux lanqas għax il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi għandu s-servizzi ta’ l-Awditur Ġenerali u ta’ l-Uffiċċju Nazzjonali dwar il-Verifika li jissodisfaw ir-rekwiżit t’indipendenza tant li jirrapportaw lill-Parlament, m’hux lill-Gvern.  

Il-Gvern iqis li għax il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi hu immexxi mill-Oppożizzjoni u għax jipproċedi fil-miftuħ, dan il-mezz ikun ħafna aktar konvinċenti u trasparenti milli kellu jitwaqqaf bord t’inkjesta skond l-Att dwar l-Inkjesti. Id-differenza reali hi jekk l-allegazzjonijiet li qed jagħmel l-Onor. Alfred Sant hux se jkun hu li jibdilhom f’terms of reference ta’ l-investigazzjoni li jrid li ssir. Hu l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni li għandu jieħu r-responsabbiltà tas-suspetti li qed jgħid li għandu u li s’issa għadhom mistura u m’hux espressi pubblikament.  

L-Onor. Alfred Sant għandu jgħid jafx jew jissuspettax sarx tbagħbis fit-transazzjoni tal-privatizzazzjoni jew jekk jaħsibx li xi ħadd ixxaħħam u jekk iva min kien.  

Inkella l-Onor. Alfred Sant għandu jgħid jekk deherlux li flok il-bejjiegħ prospettiv li miegħu sar il-ftehim preliminari l-ġimgħa li għaddiet, is-Sea Malta kellhiex tinbiegħ lil ħaddieħor. Dan il-punt hu importanti għax fit-18-il xahar tal-proċess pubbliku ta’ privatizzazzjoni mmexxi mill-Privatisation Unit, l-Onor. Alfred Sant ma lissinx kelma, iżda beda jdoqq it-tnabar meta sema’ liema offerta kienet se tintlaqa’.

L-Onor. Alfred Sant qal illum “li l-proċess ta’ privatizzazzjoni fil-pajjiż m’hux isir b’mod serju u trasparenti u qed ikunu biss ftit nies li jkunu jafu x’inhu għaddej.” L-Onor. Sant għandu jgħid mingħajr ħjiel ta’ dubju għal min qed jgħid u x’qed jissuspetta fih.  

Hu kruċjali li l-Onor. Alfred Sant jgħid x’inhu li jissuspetta issa, m’hux wara li ssir inkjesta jew wara li jiltaqa’ l-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi biex jordna lill-Awditur Ġenerali jistħarreġ din il-materja: inkella dak li s’issa żamm mistur ma jkunx jaf bih min suppost qed jinvestiga hux minnu.  

Jekk il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jrid li qabel il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, issir inkjesta skond l-Att dwar l-Inkjesti, allura għandu jgħid ukoll għalhiex m’għandux fiduċja fl-Awditur Ġenerali. Il-Gvern hu tal-fehema li jekk l-Awditur Ġenerali u l-Uffiċċju Nazzjonali dwar il-Verifika m’għandhomx il-fiduċja tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, allura jkun xieraq li tittieħed l-azzjoni meħtieġa.  

Intant l-Onor. Alfred Sant jirkeb fuq l-ittra li Ms. Marlene Mizzi bagħtet nhar it-Tnejn lill-Prim Ministru. Dan m’hux sorprendenti m’hux lanqas għax kliem Ms. Marlene Mizzi kien jixbaħ ħafna dak li diġà kien qed jgħid l-Onor. Alfred Sant tul il-ġimgħat li għaddew. L-argumenti ta’ Ms. Marlene Mizzi twieġbu nhar it-Tnejn fid-dettall mill-Prim Ministru u l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni l-bieraħ anqas ipprova jitratta mqar wieħed mill-argumenti tal-Gvern f’dik l-ittra.  

L-Onor. Alfred Sant jitkellem fuq l-amministrazzjoni ta’ Ms. Marlene Mizzi fis-Sea Malta daqs li kieku din għamlet xi miraklu finanzjarju. Bejn il-ħatra tagħha f’April 1997 u r-riżenja tagħha, is-Sea Malta tilfet Lm3.6 miljun. Meta ħadet il-kumpanija f’idejha l-assi tal-kumpanija kienu jammontaw għal Lm2.59 li llum m’hux biss sfaxxaw fix-xejn iżda s-Sea Malta għandha dejn ta’ Lm1.2 miljun aktar milli għandha assi. 

Dan il-miraklu finanzjarju li l-Onor. Alfred Sant tant jammira hu dak li Ms. Mizzi kellha x’turi fl-argumenti tagħha biex is-Sea Malta tibqa’ f’idejn il-Gvern u l-Gvern jonfoq aktar flus fiha biex ikollha vapuri ġodda.  

L-Onor. Alfred Sant għamel l-argument patetiku li Ms. Marlene Mizzi kienet oħra minn sensiela ta’ Chairmen li rriżenjaw matul l-amministrazzjoni preżenti. Hu ironiku għall-aħħar li hu l-Onor. Alfred Sant li jagħmel din ir-rimarka meta fi żmien l-amministrazzjoni tiegħu kien hu li rriżenja.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tielet darba bil-produzzjoni ‘What’s Missing’ għall-istudenti

PR261939

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records one of the strongest improvements in gender equality in the EU

PR261938en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...

More Press Releases Right arrow