IL-HIDMA U L-IMPENN TAL-GVERN PREZENTI FIL-QASAM AMBJENTALI
Matul l-aħħar erba’ snin, twaqqgħu 350 binja llegali, tneħħew 24 scrapyard illegali u tnehhew eluf ta’ tunnellatti ta’ terrapien, bħala parti minn kampanja ta’ tindif u ta’ infurzar tal-liġijiet ambjentali.
Din l-informazzjoni ngħatat f’konferenza ta’ l-aħbarjiet mill-Ministru tal-Intern u l-Ambjent, l-Onor. Dr. Tonio Borg, u mis-Segretarju Parlamentari fl-istess MInisteru, l-Onor. Perit George Pullicino. Il-konferenza saret fil-Wied ta’ l-Imsida u bħala sfond kellha x-xogħlijiet ta’ landscaping li qed isir mill-Gvern, bi sħab mal-konsorzju Environmental Landscapes Consortium Ltd.
Il-kelliema qalu li l-impenn tal-Gvern fil-qasam ambjentali jista’ jitkejjel bil-fatti u mhux bil-kliem fieragħ, bħalma jagħmel il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, l-Onor. Dr. Alfred Sant.
Matul il-konferenza, ingħataw dettalji dwar il-hidma li wettaq b’suċċess il-Gvern f’dan il-qasam fl-ahhar erba’ snin.
- Intlaħaq l-aktar livell baxx, f’dawn l-aħħar ħdax -il sena, ta’ applikazzjonijiet għal żvilupp li qed jistennew deċiżjoni;
- Fl-aħħar erba’ snin sar l-akbar numru ta’ twaqqiegħ ta’ bini llegali bħala parti minn politika li adotta l-Gvern f’dan ir-rigward;
- Kulħadd ingħata d-dritt għall-aċċess tal-informazzjoni billi l-proċess tal-applikazzjonijiet għall-permessi ta’ żvilupp infetaħ beraħ għall-parteċipazzjoni pubblika;
- Permezz ta’ l-internet, illum tista’ tara informazzjoni dwar proposti ta’ żvilupp mill-kumdità ta’ darek, fejn qabel wieħed kellu jistenna fil-kju biex jikseb din l-informazzjoni;
- Tbiddlu għadd ta’ policies biex żviluppi żgħar ma jkollhomx aktar bżonn ta’ applikazzjoni għal żvilupp;
- Bdew jinħarġu ordnijiet ta’ konservazzjoni urbana fuq propjeta’ privata;
- Beda l-programm ta’ EkoSkola li permezz tiegħu numru ta’ skejjel qed jimplimentaw sistemi ta’ mmaniġġjar ambjentali;
- Tfassal pjan nazzjonali għall-monitoraġġ tal-kwalita’ tal-arja, u qed isir l-akbar investiment li qatt sar f’dan il-monitoraġġ;
- Il-Gvern qed jagħti inċentivi biex jinxtraw vetturi li jaħdmu bl-elettriku;
- Inċentivi oħra li qed jagħti l-Gvern huma mmirati biex ikunu jistgħu jerġgħu jintużaw propjetajiet li jinsabu vojta. L-ewwel lokalitajiet li qed igawdu minn dawn l-inċentivi huma l-Kottonera, il-Belt Valletta u l-Floriana.
Il-kelliema qalu li kien dan il-Gvern li pproteġa ħdax-il tomna art mill-Wied tal-Kalkara, milli jiġu żviluppati. Dan jikkuntrasta bil-kbir mal-passivita’ li wera’ l-Gvern Laburista precedenti, li waqt laqgħat biex jitfassal il-pjan lokali għall-inħawi tal-Port il-Kbir, l-ebda ministru tal-istess Gvern Laburista ma lissen ebda kelma favur il-protezzjoni tal-Wied. Kellu jkun Gvern Nazzjonalista biex jipproteġi l-Wied tal-Kalkara.
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932