Left arrow Go Back

KONFERENZA TA` L-AĦBARIJIET MILL-MINISTRU GHAR-RIŻORSI U L-INFRASTRUTTURA DWAR KIF IL-PROĠETTI KAPITALI MEXJIN KIF MAĦSUB

pr343
Date Icon 14/03/2003

Meta indirizza konferenza ta’ l-aħbarijiet dwar il-proġetti kapitali, Francis Zammit Dimech, Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, qal li l-Mexxej Laburista Dr. Alfred Sant jidher li ma jafx x’qed igħid.

Francis Zammit Dimech qal li Dr Alfred Sant, f’konferenza ta’ l-aħbarijiet li ta dalgħodu u f’konferenza oħra li ta f’dawn il-jiem, ta l-impressjoni li mit-tliet proġetti kapitali li qed jitwettqu fil-Kottonera, Manoel Island/Ponta ta’ Tigne` u Cruise Liner Passenger Terminal għadu ma sar xejn. Il-Mexxej Laburista jidher li ilu xhur kbar ma jersaq lejn dawn l-inħawi. Kieku jaf li:

  • Fix-Xatt tal-Kottonera twaqqa’ l-bini magħruf bħala taċ-Ċiniżi, twaqqa’ l-pont ikrah u mostruż li kien qed ikerrah il-Forti Sant’Anġlu, ġiet restawrata il-faċċata ta’ Caraffa Stores, wasal biex jitlesta l-blokk ta’ appartamenti residenzjali u stabbilimenti kummerċjali fuq in-naħa tal-Birgu u l-Kalkara, ġie restawrat il-Palazz tal-Kaptan Ġenerali tax-Xwieni li b’investiment ta’ Lm4.6 miljun inbidel f’Casino`, tejjeb l-infrastruttura mhux biss biex jitwettaq il-proġett iżda wkoll biex jirrisolvi problemi eżistenti fl-inħawi. Sadanittant, ingħata kuntratt ta’ miljun lira għall-provista ta’ electrical service modules li se jissuplixxu l-irmiġġi bl-elettriku, ilma, ADSL, telefon u cable television. Kuntratt ieħor ta’ Lm600,000 ingħata lil kumpannija Finlandiża u Ingliża għall-bini ta’ 200 irmiġġ. Il-marina għandha titlesta din is-sena.
  • Ix-xogħol fuq il-bini tal-Cruise Liner Passenger Terminal mhux biss miexi kif ippjanat iżda jinsab fi stadju aktar avvanzat. Tlesta x-xogħol fuq il-bini alternattiv għar-residenti u l-ħwienet li kienu effetwati mill-proġett. Beda x-xogħol ta’ restawr ta’ l-imħażen ta’ Pinto u Forni u x-x-xogħol tat-triq li ser tgħaddi minn wara l-imħażen biex tieħu post dik eżistenti. Beda jinkixef il-moll fejn ser tinbena laguna filwaqt li twettaq xogħol temporanju biex passiġġieri li jżuru Malta bil-yachts jinqdew aħjar; u
  • Il-Proġett ta’ Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne` qabad ritmu mgħaġġel fuq in-naħa ta’ Tigne` fejn qed jinbnew appartamenti u sar l-eskavar meħtieġ biex isir l-iżvilupp ta’ Tigne` Sports li jikkonsisti f’appartamenti għar-residenti u faċilitajiet sportivi għall-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne`. Beda x-xogħol tat-triq li qed tinbena taħt l-art. Sar xogħol ta’ restawr sew fuq is-St Luke’s Garrison Chapel fTigne kif ukoll fuq Forti Manoel. Tqiegħdu pontoons mal-moll f’Manoel Island biex ikunu jistgħu jorbtu aktar yachts.

Dwar il-proġett ta’ Bieb il-Belt, Francis Zammit Dimech qal li d-deċiżjoni li dan il-proġett jitwaqqaf ittieħdet mill-Gvern f’sens kbir ta’ responsabbilta` lejn il-poplu. Tul dawn l-aħħar erba’ snin, il-Gvern naqqas bis-serjeta` l-iżbilanċ – li fit-22 xahar ta’ Gvern Laburista mmexxi minn Alfred Sant tela’ għal 12 fil-mija jew ċifra rekord ta’ Lm150 miljun – bħala priorita’ assoluta. Illum l-iżbilanċ hu taħt il-ħamsa fil-mija u ser jkompli jitniżżel. Il-Gvern seta’ ddeċieda li jkompli jissellef. Fil-fatt, il-Bank Ewropew kien u għadu lest li jislifna l-fondi neċessarji għal dan il-proġett.

Il-Gvern iżda għażel li għalissa dan il-proġett jista’ jistenna għax il-Gvern preżenti, kontra dak ta’ Alfred Sant, ta priorita’ għall-konsiderazzjonijiet soċjali bħal li jżomm u jtejjeb l-pensjonijiet u l-pagi tal-ħaddiema minflok ma joħroġ jiftaħar li Alla ħares jogħlew il-pagi. Francis Zammit Dimech qal li ma jistax jifhem kif f’nifs wieħed Alfred Sant jgħid li d-dejn tal-Gvern tela’ għal ċifra li hi d-doppju ta’ dak li fil-fatt hi u fl-istess nifs irid li l-Gvern ikompli jissellef. Francis Zammit Dimech qal li l-argumenti li qed iġib Alfred Sant ikomplu juru kemm hu, fil-fatt, inkonsistenti u mħawwad.

Francis Zammit Dimech fakkar li l-Gvern preżenti, bħala parti minn dan il-proġett kien diġa` irrestawra u rriabilita l-Kavallier ta’ San Ġakbu b’investiment ta’ Lm4.5 miljun. Dan il-bini llum hu Ċentru ta’ Kreattivita`.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li bħalissa kien qed isir xogħol ta’ tisbiħ u riabilitazzjoni tal-bus terminus f’Bieb il-Belt, proġett li kien ser jiswa ’l fuq minn Lm200,000. Hu fakkar li fl-24 ta’ Frar kienet ħarġet stqarrija mill-istess Gvern li tgħid li kien sar xi xogħol ħażin fuq il-bankina fuq in-naħa tal-kiosks man-naħa tal-lukanda Phoenicia. Dan ix-xogħol ta’ tarmak ikkulurit ser jerġa’ jsir mill-kuntrattur spejjeż tiegħu. Il-Ministru Zammit Dimech qal li x-xogħol ser jibda fl-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla u ser jinkorpora wkoll il-bankina ta’ quddiem il-lukanda Phoenicia li ser tinqala’ u ssir mill-ġdid.

Francis Zammit Dimech qal li ma setax jifhem il-kritika Laburista għall-proġetti kapitali li qed jitwettqu. Hu fakkar li Alfred Sant kien sentejn fil-Gvern u ma għamel xejn ħlief ħabbar il-proġetti u qal li telqu meta fil-fatt ma kien għadu sar assolutament xejn u spiċċa biex flok telqu l-proġetti telaq hu. Illum Alfred Sant kull ma jrid jagħmel hu li jipprova jfarrak dak kollu li sar matul l-aħħar erba’ snin.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija

PR261933

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

More Press Releases Right arrow