DISKORS MILL-ONOR. EDDIE FENECH ADAMI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-PROĠETT TA’ RESTAWR TA’ PORTES DES BOMBES - BLATA L-BAJDA - 4 TA’ MARZU 2003
Kull pajjiż jista’ jiftaħar b’dak li jiddistingwih bħala nazzjon. Fil-każ ta’ Malta, bir-raġun, aħna kburin mill-istorja tagħna li tmur lura sebat elef sena. Hi storja li apparti milli tagħġen l-identità tagħna titfa’ fuqna piż kbir għaliex il-wirt li ħallewlna missirijietna rridu mhux biss inħarsuh u nikkonservawh għalina, iżda rridu nħalluh aħjar għal min jiġi warajna.
Il-proġett ta’ konservazzjoni u restawr fuq Bieb il-Bombi jinkwadra ruħu f’dan l-obbligu li nġorru lkoll. Matul is-snin li għaddew, Gvernijiet immexxija minni għarfu din l-isfida li għandna quddiemna u ħolqu l-istrutturi neċessarji sabiex il-pajjiż ikun jista’ jħares il-wirt tiegħu bl-akbar serjetà. Dawn l-istrutturi jinkludu t-twaqqif tal-Proġetti għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta u l-Floriana, il-Kottonera u l-Imdina, t-tisħiħ tal-Unit għar-Restawr fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħolijiet, u t-twaqqif taċ-Ċentru Malti għar-Restawr f’Bighi.
It-twaqqif ta’ l-istrutturi meħtieġa mingħajr l-investiment neċessarju kien jiswa ftit li xejn. Matul l-aħħar erba’ snin, il-Proġetti għar-Riablitazzjoni flimkien mal-Unit għar-Restawr li għandna fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura investew qrib id-Lm 9 miljun lira fuq proġetti ta’ kull tip u daqs. Fost dawn insibu r-restawr tal-Kavallier ta’ San Ġakbu li nbidel fiċ-Ċentru għall-Kreattività, il-Knisja ta’ Santa Caterina d’Italia, il-Berġa d’Italia, diversi xogħolijiet fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u fil-Palazzi Presidenzjali, u r-restawr tal-bitħa tal-Palazz Vilhena fl-Imdina.
Nifraħ lill-Unit għar-Restawr għall-fatt li diġà ħadmet fuq aktar minn sebgħin proġett ta’ restawr apparti milli qed taħdem fuq ħamsin proġett ieħor. Ninsab infurmat illi din il-Unit tat attenzjoni speċjali lit-taħriġ u llum għandha team ta’ periti, surveyors, restawraturi, supretendent tal-fortifikazzjonijiet, u diversi ħaddiema li ngħataw taħriġ kemm f’Malta kif ukoll barra.
Huma ħaddiema li lilna jagħmlulna ġieħ u kuraġġ u meta dawn ħadmu flimkien ma’ speċjalisti Taljani fuq diversi proġetti f’pajjiżna, irċevew kliem ta’ ħajr għall-ħiliet u l-motivazzjoni tagħhom.
Il-ħidma li saret minn dan il-Unit flimkien mal-kuntrattur, Agius Stone Works, li ngħata l-inkarigu tar-restawr ta’ Portes des Bombes, hija xhieda tal-ħila tal-ħaddiem Malti. Illum nistgħu nħarsu lejn Portes des Bombes bħala mina tassew trijonfali, li hija wkoll monument nazzjonali.
Il-bżulija u l-motivazzjoni tal-ħaddiem Malti hi tali li ma jibżax jaħdem, spalla ma’ spalla, ma’ ħaddieħor. Mhix ħila li titkejjel billi tingħalaq fiha nfisha bħal dak li qalu għandna għax nibżgħu meta nkejluha ma’ dik ta’ nies oħra.
Il-ħidma tal-Unit għar-Restawr, flimkien mas-settur privat bħal f’dan il-każ, jew anki flimkien ma’ esperti minn pajjiżi lil hinn minna, bħal f’diversi xogħolijiet oħra, tixhed li mhix ħila li biex tirnexxi trid tingħalaq fiha nfisha, anzi toħroġ aktar b’saħħitha u tispikka aktar meta tingħaqad fi sħubija mal-ħiliet ta’ persuni oħra.
Hekk ukoll Malta issa tilqa’ b’kuraġġ l-opportunitajiet kbar li hemm quddiemna meta nhar is-Sibt li ġej il-poplu Malti jivvota biex jassigura post Malta bħala Membru fl-Unjoni Ewropea. Wieħed mill-prinċipji li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea huwa dak li jkun hemm l-Unità fid-Diversità. Din hi s-saħħa ta’ l-Ewropa Waħda li qed tinbena.
Malta diġà ġiet aċċettata biex tkun parti minn din l-Ewropa Waħda u s-Sibt li ġej il-poplu Malti għandu quddiemu għażla waħda u ċara: jibqax parti minn din l-Ewropa Waħda jew li jinqata’ barra għar-rasu, għal riħietu.
Apparti opportunitajiet oħra li kellna diversi okkażjonijiet biex nitkellmu dwarhom, l-Unjoni Ewropea toffri lil Malta vantaġġi kbar fl-oqsma tal-konservazzjoni u r-restawr tal-bini storiku, kemm permezz ta’ programmi speċjalizzati li għandha f’dawn l-oqsma kif ukoll permezz ta’ għajnuna finanzjarja li nikkwalifikaw għaliha bħala Membri.
Il-Gvern diġà ħejja d-dokumentazzjoni meħtieġa biex ikun jista’ juża fondi għal proġetti ta’ restawr u riabilitazzjoni li għandhom ikomplu jagħtu spinta qawwija lill-ħidma li qed inwettqu f’dawn l-oqsma. Intitolati għal din l-għajnuna, anki għax il-wirt tagħna huwa wirt Ewropew, wirt ta’ l-Umanità kollha. M’hemm ebda raġuni għax għandna nibqgħu barra u nerfgħu l-piżijiet kollha waħedna, jew agħar minn hekk, ma nagħmlux dak kollu li nistgħu nagħmlu u li huwa mistenni minna.
Nerġa’ nifraħ lil dawk kollha li ħadmu fuq il-proġett ta’ konservazzjoni u restawr fuq Portes des Bombes, talli mhux biss għamlu x-xogħol b’sens ta’ professjonalità, u b’attenzjoni għal kull dettal, imma li ħadmu wkoll b’sens ta’ imħabba lejn art twelidhom u lestew ix-xogħolijiet kollha fil-ħin kif kien stabbilit. Filwaqt li nifirħilhom u nawguralhom aktar xogħol ta’ siwi favur pajjiżna, huwa pjaċir tiegħi ninawgura uffiċjalment l-istess xogħolijiet.
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932