Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR EDDIE FENECH ADAMI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ UFFIĊJALI TAL-KUMPLESS SPORTIV TAL-COTTONERA - IS-SIBT 1 TA` MARZU 2003

pr277
Date Icon 01/03/2003

Qed issir kważi tradizzjoni regolari li niġi fil-Cottonera u l-akkwati tagħha sabiex ninawgura xi proġett ieħor li jkun twettaq mill-Gvern li mmexxi. Infetħet dar għall-anzjani u Ċentru Aċċess, saru proġetti ta’ restawr, kif ukoll għandna kumitat ħabrieki, li b’kollaborazzjoni anki mal-Kunsilli Lokali, qed jaħdem fuq ir-riabilitazzjoni tal-Cottonera. Dan kollu huwa xhieda reali ta’ l-impenn li għandna bħala Gvern lejn is-soċjetà kollha ta’ pajjiżna, iżda b’mod partikolari lejn fejn l-iktar li nħossu li hemm il-ħtieġa.

Illum erġajna ltqajna hawnhekk, din id-darba biex ninawguraw it-tlestija ta’ proġett kbir ieħor – Kumpless Sportiv modern u attrezzat bl-ogħla livelli professjonali. Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qegħdin nirrikonoxxu r-rwol importanti li għandu l-isport, lil hinn minn sempliċiment attività ta’ rikreazzjoni jew kompetizzjoni. L-isport huwa fundamentali fis-saħħa ta’ l-individwu kemm bħala fiżika, u wisq iktar importanti bħala karattru u moralità. Huwa għalhekk li minn żmien il-qedem, tul is-sekli, il-bniedem dejjem sab ħin biex jipprattika l-isport u jużah bħala mezz ta’ għaqda u żvilupp bejn il-pajjiżi u l-komunitajiet.

Din l-imħabba lejn l-isport qatt ma kienet nieqsa fil-Cottonera. Biżżejjed infakkar li iktar minn mija u għaxar snin ilu, il-football daħal f’pajjiżna b’mod organizzat, proprju hawnhekk, bit-twaqqif tas-Saint George’s Football Club. Insemmi wkoll l-isport tradizzjonali u tipiku tad-dawra tal-port, jiġifieri l-qdif. L-ibliet tal-Cottonera u tad-dawra tagħha tista’ tgħid li huma il-prim li fuqu tistrieħ din l-attività sportiva u tradizzjonali. Iż-żgħażagħ ta’ dawn in-naħat għandhom kilba għall-isport, u t-training li nsibu li huwa popolari ħafna fir-rutina tagħhom. Kien għalhekk li l-Gvern imexxi minni sa minn għaxar snin ilu beda jaħseb biex il-Cottonera jkollha kumpless sportiv kif jixraqilha li jkollha. L-għaqal tal-Gvern jitkejjel minn kemm joħloq opportunitajiet ġodda, kemm jolqot komunitajiet differenti u kemm jiżgura aċċessibilità għal kulħadd għal dawn l-opportunitajiet. Dan kien il-ħsieb wara l-wegħda elettorali tagħna li nibnu tlett ċentri sportivi fuq il-mudell t’Għawdex, wieħed minnhom dan li qed ninawguraw illum.

It-tlestija ta’ dan il-Kumpless Sportiv tal-Cottonera hija xhieda tad-determinazzjoni ta’ dan il-Gvern li jonora l-wegħdiet tiegħu, li jwettaq il-viżjonijiet tiegħu fil-ħin sabiex jitgawdew mill-ewwel. Huwa xhieda tat-twemmin tagħna li l-investimenti m’għandhomx isiru f’iżolament imma jkunu parti minn viżjoni akbar. Il-bini ta’ dan il-Kumpless fil-Cottonera jorbot mal-viżjoni tagħna għall-isport fejn nixtiequ li komunitajiet differenti jkollhom aċċess għal facilitajiet ta’ livell, jorbot mal-viżjoni tagħna għar-riġenerazzjoni soċjali tal-Cottonera, jorbot mal-viżjoni tagħna għal soċjetà f’saħħitha, taf tuża l-ħin liberu tagħha tajjeb, li tikkultiva interessi varji.

Meta nibnu Kumpless Sportiv, ifisser li dan ma jkunx ser jaħseb biss għal-dixxiplina waħda, iżda għal diversi attivitajiet sportivi. Dak hu eżempju ċar tal-ħajja ta’ kull individwu u kull soċjetà. Il-prijoritajiet tagħna huma dejjem kumplessi, u ma jkunu qatt iżolati la bejniethom u l-anqas bejn individwu u ieħor. Huwa għalhekk li f’mument daqstant kruċjali fl-istorja u l-iżvilupp ta’ pajjiżna, meta fi żmien sebgħat ijiem kull wieħed u waħda minnha ser nintalbu niddeċiedu aħna stess il-futur ta’ pajjiżna, irridu nqiesu l-fatturi kollha li jinfluwenzawlna ħajjitna. L-isport huwa settur fejn l-Unjoni Ewropea ma tindaħalx lill-Gvernijiet tal-pajjiżi membri. Madanakollu l-Unjoni Ewropea tippromwovi prinċipji partikolari għall-isport. Tippromwovi l-mudell Ewropew ta’ l-isport – fejn l-attività sportiva titkattar l-ewwel f’għaqdiet volontarji li bejniethom joħolqu xibka ta’ opportunitajiet għall-aċċess. L-Unjoni Ewropea tippromwovi l-użu ta’ l-isport bħala għodda soċjali kontra l-esklużjoni soċjali. L-Unjoni Ewropea tippromwovi l-importanza ta’ l-Edukazzjoni Fiżika fl-Edukazzjoni.

Nawgura li dan il-Kumpless joffri l-istess sodisfazzjon lil min jużah li qed jagħti lili llum biex ninawgurah. M’aħniex ser nieqfu hawnhekk. Nerġa’ ntenni l-impenn tal-Gvern tiegħi lejn il-Cottonera, parti mill-gżira tagħna li minnha dejjem ħarġu nies li għamlu ġieħ lil pajjiżna. Huwa impenn reali, li llum wieħed jista’ jara xhieda tiegħi anki b’dan il-Kumpless li huwa frott ta’ investiment kbir ta’ flus il-poplu, intenzjonati għat-tgawdija u l-iżvilupp tan-nies ta’ dawn in-naħat.

Huwa għalhekk bi pjaċir u b’sodisfazzjon li qiegħed niddikjara il-Kumpless Sportiv tal-Cottonera uffiċjalment miftuħ.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija

PR261933

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

More Press Releases Right arrow