Left arrow Go Back

Politika ta’ Devoluzzjoni u Sussidjarjeta’ – Politika ta’ Fiduċja

PR259
Date Icon 26/02/2003

Il-Ministru għall-Ġustizzja u Gvern Lokali llum ippresieda l-iffirmar ta’ ftehim ta’ devoluzzjoni ta’ propjeta u libreriji pubbliċi ma’ għaxar Kunsilli Lokali.

F’diskors li għamel il-Ministru Austin Gatt spjega li l-esperjenza kultant turi li ninsew minn fejn tlaqna. Erbgħa snin ilu, tlaqna minn sitwazzjoni fejn il-Kunsilli Lokali Maltin kienu demoraliżżati għax għal sena wara l-oħra, kienu qed jesperjenzaw tnaqqis fil-fondi. Il-Kunsilli Lokali kienu diżappuntati li kellhom jagħmlu l-istess reponsabiltajiet b’inqas flus, u kien hemm Gvern Laburista li ma kellux ideat ta’ kif jista’ jagħti aktar responsabiltajiet lill-Kunsilli.

Il-Ministru Gatt spjega li llum, erbgħa snin u nofs wara, għandna sitwazzjoni li nbidlet, fejn sa mill-1998, b’deċiżjoni tal-Kabinett, proprjeta pubblika u għadd ta’ responsabiltajiet bdew jiġu amministrati mill-Kunsilli Lokali.

Dan il-Gvern għamel dan il-pass, għax il-Gvern dejjem emmen, li l-Kunsilli Lokali, fiż-żgħożija tagħhom għandhom jingħataw l-inkoraġġiment li jimirħu lil’ hinn mid-doveri li timponi l-liġi. Dan jista’ jsir biss, għax il-Gvern prezenti kellu u għandu fiduċja, li fil-livelli li jamministraw u jaħdmu l-Kunsilli Lokali, dawn jamministraw u jaħdmu aħjar milli jamministra l-Gvern Ċentrali.

Il-fatt li llum għandna 41 proprjeta’, u 39 librerija f’idejn il-Kunsilli Lokali huwa kisba għall-Kunsilli Lokali li rnexxew iħaddmu sew il-prinċipju tad-devoluzzjoni.

Il-Ministru Gatt, semma’ l-każ tal-lokalita ta’ Ħal-Tarxien, fejn il-Kunsill irnexxielu jiżviluppa d-Dar tal-Kejka u minn proprjeta’ mitluqa u vandaliżżata, il-bini ġie restawrat u qed jintuża bħala ċentru ta’ l-iscouts, kif ukoll ċentru fejn isiru korsijiet, wirjiet ta’ affarijiet antiki u tal-folklore Malti.

Semma’ l-każ tal-Kunsill taż-Żurrieq li għamel mill-Mitħna tax-Xarolla post aċċessibbli għal kullħadd.

Dawn, u l-każijiet kollha fejn kellna devoluzzjoni, huma prova ta’ kemm hija suċċess il-politika tal-fiduċja. Il-Ministru Gatt spjega li trid temmen li meta tagħti r-responsabbilta’ lill-Kunsilli Lokali, il-Kunsilli jafu jerfgħu u jagħmlu d-differenza.

Semma’ l-esperjenza tal-libreriji fejn saru devoluzzjonijiet ta’ numru ta’ libreriji reġjonali u oħrajn lokali. Devoluzzjoni li wasslet biex is-servizz provdut jitjieb skond il-bżonnijiet tar-residenti. Fil-fatt permezz tal-ftehim milħuq mad-Dipartiment tal-Libreriji, il-Kunsilli Lokali żiedu s-siegħat tal-ftuħ, kabbru n-numru tal-kotba kull sena, u attrezzaw il-librerija bi xkaffar ġdid biex it-tfal u l-adulti fil-komunita’ jkollhom aċċess aħjar għall-kotba u għall-qari.

Is-sistema qed titħaddem b’mod komputeriżżat b’aċċess online mal-Librerija pubblika Ċentrali sabiex talbiet għall-kotba li ma jkunux fil-librerija lokali jinġiebu mill-librerija ċentrali.

Il-Ministru Gatt spjega kif minn mindu l-Kunsilli Lokali ħadu f’idejhom it-tmexxija tal-librerija lokali, żdied in-numru ta’ kotba li joħorġu b’self lit-tfal u l-adulti.

  • Fil-librerija ta’ Ħaż-Żebbuġ f’Malta, minn self ta’ madwar 7,000 ktieb fis-sena 1998, dan żdied ghal iktar minn 14,000 ktieb is-sena li għaddiet, żieda ta’ 73%. Fil-librerija tan-Naxxar iż-żieda kienet ta’ 23%, fejn minn madwar 9,000 ktieb fis-sena 1998, illum hemm self ta’ madwar 12,000 ktieb.
  • Żieda oħra kienet reġistrata fix-Xewkija fjen s-self żdied minn 1,300 żdied għa kważi 5,000 ktieb.

Il-Kunsilli tagħna b’mod kwiet fl-Uffiċji tagħhom, qed jagħmlu avvanzi kbar u qed jsiru dejjem iktar relevanti għas-soċjeta’ tagħna.

Il-Ministru għamel referenza għad-devoluzzjonijiet l-oħra li l-Kunsilli Lokali ibbenefikaw minnhom, fosthom: id-devoluzzjoni tal-manutenzjoni tad-dwal tat-toroq, il-ħruġ tal-liċenzji temporanji fil-lokalita’ u d-devoluzzjoni tal-bus shelter il-ġodda li llum qed naraw fit-toroq tagħna. Illum għandna Bus Shelters ġodda li qed iservu aħjar lil min jużahom u huma frott ta’ ftehim bejn il-Gvern, il-Kunsilli Lokali u kuntrattur privat. Bus Shelters moderni li ma swew xejn grazzi għall-partnerships ta’ veru u krejattivi, li xpruna dan il-Gvern.

Il-Ministru Austin Gatt ikkritika l-kampanja tal-Partit Laburista, li b’mod partiġġjan, tkisser l-inizjattiva tal-Kunsilliera bil-logħba tal-persentaġġi. Ir-realta, spjega Dr. Gatt, hija li s-suċċessi, jinsabu f’Kunsilli b’maġġoranzi Laburisti u b’ maġġoranzi Nazzjonalisti, bħalma kien hemm inqas suċċessi f’Kunsilli b’maġġoranzi Laburisti u b’maġġoranzi Nazzjonalisti. Il-Ministru Gatt spjega li meta verament tafda fil-Kunsilli Lokali u mhux tużahom biex tagħmel il-propaganda politika, il-Kunsilli Lokali jagħtu lura dak li jkun delegat lilhom b’mod tajjeb ħafna.

Il-Ministru Austin Gatt temm id-diskors tiegħu billi għamel referenza għall-opportunitajiet kbar li jeżistu għall-Kunsilli Maltin bi sħubija fl-Unjoni Ewropea. Minbarra il-81 miljun liri Maltin li ġab il-Gvern permezz tan-negozjati, il-Kunsilli għandhom minjiera ta’ opportunitajiet u fondi, li jistgħu jużaw għall-proġetti u inizjattivi b’riżq il-komunita’.

Sadanittant din hija l-lista ta’ proprjetajiet li ġew devoluti llum:

1. Rabat (Għawdex) - 2 Proprjetajiet
2. Għasri - 2 siti għal żvilupp
3. Sannat – Librerja Pubblika
4. San Lawrenz – Librerija Pubblika
5. Birgu - Shelter tal-Gwerra
6. Mdina – Ġnien Pubbliku (Gnien is-Sindku)
7. Paola - Ġnien Pawlu Boffa
8. Rabat (Malta) – Librerija Pubblika
9. San Gwann – Librerija Pubblika
10 Żurrieq - Dar Mattia Preti

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija

PR261933

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

More Press Releases Right arrow