Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. DR. EDDIE FENECH ADAMI, PRIM MINISTRU, FL-EGHLUQ TAL-KONFERENZA DWAR L-UNJONI EWROPEA U L-GŻIRA REĠJUN TA’ GĦAWDEX, ORGANIZZATA MILL-MALTA-EU INFORMATION CENTRE – MGARR GHAWDEX - 20 TA’ FRAR, 2003

PR234
Date Icon 20/02/2003

Ninsabu ftit jiem biss ’il bogħod minn deċiżjoni storika għal pajjiżna. Ftit huma l-affarijiet li għadhom ma ntqalux, u jiena m’għandix dubju li din il-konferenza swietilkom biex tiċċaraw xi punti li forsi kienu għadhom mhux ċari, u biex tistaqsu l-mistoqsijiet li kienu għadhom mhux imwieġba.

Id-deċiżjoni li se nieħdu hija storika għaliex se tiddetermina d-direzzjoni li se jieħu pajjiżna fis-snin li ġejjin. Ilna bosta snin nistinkaw biex inwasslu l-pajjiż s’hawn – jiġifieri f’pożizzjoni li jieħu postu bi dritt fost il-familja ta’ pajjiżi u popli Ewropej.

Infakkar li pajjiżna ma applikax biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea xahar ilu, jew sena ilu. Applikajna biex nissieħbu f’Lulju ta’ l-1990, jiġifieri aktar minn tnax-il sena ilu. Dan il-fatt waħdu diġà juri kemm il-proċess ta’ sħubija huwa proċess li jieħu fit-tul, li jeħtieġ preparazzjoni serja u juri wkoll, għaldaqstant, kemm id-deċiżjoni li rridu nieħdu ġimgħatejn oħra hija deċiżjoni serja u importanti għal pajjiżna.

U meta ngħidu “pajjiżna” infissru l-poplu Malti u Għawdxi fl-interità tiegħu. Infissru kemm lil Malta kif ukoll lil Għawdex.

Irrid ngħid, iżda, la darba llum għandi l-okkazjoni li niffoka fuq il-gżira t’Għawdex, li l-Gvern tiegħi huwa kburi li fil-proċess ta’ tħejjija għal sħubija ddedika ħin u enerġija biex jifli sew x’inhuma l-ħtiġijiet tal-gżira Għawdxija, u x’inhu sewwa sew l-impatt ta’ sħubija fuq Għawdex u l-Għawdxin. Kburi wkoll li fil-proċess tan-negozjati qbadna dawn il-punti u nnegozjajna fuqhom sabiex inħarsu l-interessi speċifiċi ta’ Għawdex.

Mela għalkemm sħubija hija fl-interess ta’ Malta u Għawdex b’mod sħiħ u bħala pajjiż wieħed, m’hemmx dubju li sħubija hija wkoll fl-interess ta’ Għawdex bħala gżira li għandha l-interessi u l-ħtiġijiet partikolari tagħha.

Bir-riżultati tan-negozjati, tajna risposta lil dawk li jbeżżgħu li l-interessi t’Għawdex jintilfu jew jintesew jekk nissieħbu fl-Unjoni Ewropea. Jiena ngħid illi mhux talli ma jintesewx, iżda talli jiġu aktar aċċentwati u jiġu aktar imħarsa.

Irrid infakkar illi matul dan il-proċess sar studju importanti li identifika bir-reqqa l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ Għawdex u kien proprju a bażi ta’ dan l-istudju li nnegozjajna numru ta’ kundizzjonijiet partikolari għal Għawdex.

Jien kburi mhux biss li rnexxielna nakkwistaw dak li tlabna sabiex niżguraw l-interessi t’Għawdex, imma kburi daqstant li fl-Unjoni Ewropea, u fil-pajjiżi membri tagħha, sibna msieħba li kienu lesti jiddiskutu u jindirizzaw il-problemi li qajjimna u t-talbiet partikolari li għamilna, inkluż dwar Għawdex.

Huwa importanti li napprezzaw li l-Unjoni Ewropea hija wkoll għaqda ta’ pajjiżi li jħarsu l-interessi nazzjonali tagħhom, iżda jħarsu wkoll l-interessi ta’ xulxin. Dan jagħmluh bi spirtu qawwi ta’ solidarjetà. Dan l-ispirtu ta’ solidarjetà, aħna se nduqu xi jfisser mill-ewwel jum ta’ sħubija permezz ta’ għajnuna finanzjarja sostanzjali li se tintuża fuq proġetti kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Nixtieqkom tapprezzaw li meta ngħidu li l-Unjoni Ewropea se talloka fondi biex jintefqu fuq proġetti f’Għawdex, dan mhu xejn ħlief flus li joħorġu taxpayers fil-pajjiżi sinjuri, fosthom il-Ġermanja, l-Olanda, l-Awstrija u oħrajn, sabiex jgħinu lill-popli f’pajjiżi u f’reġjuni fl-Unjoni Ewropea li għadhom lura f’termini ta’ żvilupp ekonomiku. Mhux faċli li taxpayer Ġermaniż jew Olandiż tikkonvinċih iħallas taxxa biex isir żvilupp fil-port ta’ l-Imġarr jew biex jinbena impjant tat-tisfija tad-drenaġġ f’Għawdex, jew biex jitranġaw it-toroq f’Għawdex.

Iżda dawn il-pajjiżi jifhmu li sħubija fl-Unjoni Ewropea tfisser dan ukoll – tfisser solidarjetà ma’ ħaddieħor. Dan huwa prezz li huma lesti jħallsu għaliex japprezzaw il-ġid ogħla, kemm ekonomiku, kif ukoll politiku u soċjali, li sarfet għalihom ukoll sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Fil-każ t’Għawdex, nafu wkoll li se jkollna arranġamenti speċjali biex nindirizzaw il-ħtiġijiet partikolari tal-gżira Għawdxija.

M’għandix dubju li dawn l-arranġamenti diġà ssemmew – per eżempju, fil-kuntest li waqt li fl-ewwel snin ta’ sħubija Malta u Għawdex flimkien se jkunu eliġibbli għall-ogħla għajnuna finanzjarja mill-Unjoni, ikollna wkoll id-dritt li nallokaw parti minn dawn il-fondi ta’ l-UE direttament għal Għawdex taħt is-Single Programming Document tagħna. Fi kliem ieħor il-gżira t’Għawdex se tkun meqjusa direttament bħala waħda mill-prioritajiet ewlenin ta’ kif Malta se tuża l-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan se jiżgura li jintużaw fondi direttament u speċifikament fuq proġetti li jsiru f’Għawdex apparti minn proġetti li jkunu qed isiru fuq skala nazzjonali. Din hija ħaġa li mhux soltu ssir, iżda li se ssir għalina għax l-Unjoni Ewropea fehmet it-talba tagħna li kien meħtieġ attenzjoni partikolari għal gżira Għawdxija.

Fl-istess ħin infakkar ukoll fid-Dikjarazzjoni dwar Għawdex li se tkun annessa mat-Trattat u li se tagħti l-imbuttatura meħtieġa biex il-ħtiġijiet t’Għawdex ikomplu jiġu mħarsa anki jekk u meta Malta tavvanza ekonomikament tant li ma tibqax eleġibbli għall-ogħla livell ta’ fondi - ħaġa li, fi kwalunkwe każ, mhux mistennija li sseħħ mill-anqas qabel is-sena 2013 meta jiskadi l-budget li jmiss ta’ l-Unjoni Ewropea.

Hemm punti oħra li wieħed jista’ jsemmi dwar negozjati speċifiċi għal Għawdex – fosthom dwar il-qasam tat-trasport fejn it-trasport ta’ persuni bejn Għawdex u Malta se jibqa’ eżent mit-taxxa tal-VAT, waqt li sussidju għat-trasport agrikolu se jibqa’ għaddej għall-ewwel ħames snin ta’ sħubija.

Iżda l-punt li rrid nagħmel jien huwa dan – l-Unjoni Ewropea, proprju għaliex hija mibnija fuq is-solidarjetà u fuq l-għaqda fid-diversità, hija Unjoni li tħares l-interessi ta’ pajjiżi żgħar u anki l-interessi ta’ gżejjer żgħar li huma parti minn stat membru, proprju bħal Għawdex. Dan diġà qed narawh bil-provi anki qabel ma dħalna, fejn qed naraw li l-uniku proġett infrastrutturali li qed isir bil-fondi ta’ qabel sħubija, se jsir proprju f’Għawdex. Qed nirreferi għall-bini ta’ impjant tat-tisfija tad-drenaġġ f’Għawdex.

Dan il-punt huwa importanti għaliex jgħattan għal kollox il-biżgħat ta’ dawk li jippreferu l-iżolament u li jbeżżgħu li xi ħadd se jiblagħna. Mhux talli mhu se jiblagħna ħadd, talli se naraw li l-interessi tagħna, kemm dawk nazzjonali, kif ukoll dawk speċifiċi, bħalma huwa l-każ t’Għawdex, se jieħdu spinta ’l quddiem, u se jiġu mħarsa u żgurati b’mod aktar qawwi.

Irrid inżid – u għandu jkun ta’ sodisfazzjon għalina - li hawn saħansitra min qiegħed jistenna s-sħubija ta’ Malta u Għawdex għaliex jaf li pajjiżna se jdaħħal dimensjoni ġdida fl-Unjoni Ewropea – id-dimensjoni ta’ gżejjer żgħar fl-Unjoni Ewropea. B’hekk id-dħul ta’ Malta u Għawdex se jagħtu importanza ġdida u ogħla mhux biss lill-interessi tagħna, iżda anki lill-interessi ta’ gżejjer oħra.

Nirreferi b’mod partikolari għal proġett ta’ twinning li qiegħed isir bħalissa bejn pajjiżna u l-gżejjer Baleariċi ta’ Spanja. Jirriżulta illi dawn il-gżejjer, u gżejjer oħra bħalhom, iqisu d-dħul ta’ Malta u ta’ Għawdex fl-Unjoni Ewropea bħala imbuttatura kbira ’l quddiem għall-interessi tal-gżejjer żgħar fl-Unjoni Ewropea u allura għall-interessi tagħhom ukoll.

Dan huwa biss eżempju wieħed ta’ kif nistgħu nużaw is-sħubija tagħna biex nagħtu dimensjoni differenti u ngħinu lill-Unjoni Ewropea tkompli tiżviluppa policies, bħalma huma l-policies dwar il-gżejjer-reġjuni, li jħarsu l-interessi tagħna bħala pajjiż u ta’ Għawdex bħala gżira-reġjun.

Qabel nagħlaq nixtieq infakkar mill-ġdid x’se tfisser sħubija fl-Unjoni Ewropea għal Għawdex u nistedinkom tirriflettu fuq dawn il-punti:

- L-ewwel, bi sħubija, il-livell ta’ l-għixien tal-poplu Għawdxi se jitjieb, kif l-istess se jagħmel il-livell ta’ l-għixien tal-pajjiż kollu;

- It-tieni, Għawdex se jingħata għajnuna teknika u finanzjarja mill-Unjoni Ewropea biex tkun tista’ tindirizza b’mod effettiv il-ħtiġijiet partikolari tiegħu – per eżempju, fl-infrastruttura, fit-trasport, fl-ambjent, fl-industrija u fit-turiżmu;

- It-tielet, Għawdex se jgawdi minn titjib kbir fl-attività ekonomika għaliex se jkun f’pożizzjoni aħjar li joffri servizz u prodott aħjar lil suq ferm u ferm akbar;

- Ir-raba’, Għawdex se jgawdi minn titjib kbir fil-komunikazzjoni ma’ Malta, b’mod partikolari fejn jidħol it-trasport bejn iż-żewġ gżejjer;

- Il-ħames, il-poplu Għawdxi se jgawdi minn investiment ferm akbar fin-nies, b’mod partikolari fl-oqsma tat-taħriġ u l-edukazzjoni;

- U fl-aħħarnett, Għawdex se jkollu rabta diretta ma’ l-Unjoni Ewropea u ma’ l-istituzzjonijiet tagħha – rabta li tkompli ssaħħaħ l-interessi u l-identità tal-poplu Għawdxi.

Nixtieq nagħlaq billi nistedinkom tirriflettu sew fuq id-deċiżjoni li tridu tieħdu minn hawn u ftit jiem oħra. Nistedinkom tirriflettu fuq dak li huwa fl-aħjar interess għal pajjiżna u fl-aħjar interess tal-gżira Għawdxija. Nistedinkom ukoll tqisu l-isforz serju u qawwi li sar min-naħa tal-gvern matul dawn l-aħħar snin fil-proċess ta’ tħejjija għal sħubija biex jiżgura li jiġu mħarsa l-interessi t’Għawdex.

Jiena m’għandiex dubju li meta tpoġġu kull ma smajtu fil-keffa u tiżnu sew dak li fl-aħjar interess tagħkom u ta’ Għawdex, id-deċiżjoni li se tieħdu nhar is-Sibt 8 ta’ Marzu tkun deċiżjoni soda u ċara, favur sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija

PR261933

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

More Press Releases Right arrow