STQARRIJA MILL-MINISTERU TA’ L-EDUKAZZJONI: IL-FATTI DWAR L-OPPORTUNITAJIET GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
| Il-Budget għal din is-sena juri żieda ta’ LM 2 miljuni fuq is-sena | li għaddiet fl-investiment rikorrenti u kapitali għall-MCAST. Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, hekk kif għadda il-Budget, iltaqa` mal-Bord tal-Gvernaturi biex jassigura li dan l-investiment isir kollu u b’mod effettiv. Għall-kuntrarju ta’ dak li qal il-Kelliem ta’ l-Oppozizzjoni dwar l-Edukazzjoni l-Onor. Evarist Bartolo, il-Ministru tal-Finanzi John Dalli diġa` heġġeġ lil MCAST jinvesti b’għaqal dak kollu li ġie votat lilu fil-Parlament ħalli fil-pajjiż jiżdiedu l-opportunitajiet għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. |
| Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea | qal dan meta wieġeb għall-istqarrija li ħareġ il-Partit Laburista dwar il-Konferenza Stampa li taw flimkien, l-Onor. Kap ta’ l-Oppozizzjoni Dr Alfred Sant u l-Onor. Evarist Bartolo fejn l-MCAST, nhar il-Gimgha, 14 ta’ Frar 2003. |
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni ċaħad dak li qal l-Onor. Bartolo li l-Ministru tal-Finanzi, fiċ-ċirkolari tiegħu tal-24 ta’ Jannar, 2003, ‘ordna li l-MCAST jaqta` LM440,000 mill-flus li ġew ivvotati għalih fil-Budget 2003’. F’din iċ-ċirkolari, il-Ministru tal-Finanzi, kif soltu jagħmel fil-bidu ta’ kull sena finanzjarja, tkellem dwar l-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi mid-diversi dipartimenti u entitajiet pubbliċi u appella biex kulħadd jagħmel ħiltu ħalli l-miri tal-Gvern dwar il-kontroll tad-defiċit finanzjarju jintlaħqu kif pjanat fil-Budget 2003. Għal dan l-iskop il-Ministeru tal-Finanzi introduċa l-kunċett ta’ variable budgeting bl-iskop li l-Ministeru tal-Finanzi jkollu kontroll aktar b’saħħtu fuq in-nefqa pubblika.
Il-Ministru Louis Galea qal ukoll li hija gimmick oħra ta’ l-Onor. Dr. Alfred Sant li jmur fejn l-MCAST u jħabbar ‘Erba inizjattivi ta’ partnership biex jinfetħu opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ’.
L-MCAST ilu, sa mit-twaqqif tiegħu sentejn ilu, jaħdem fuq partnerships ma’ istituzzjonijiet simili f’pajjiżi oħra, ma’ l-iskejjel sekondarji, ma’ l-Universita`, u ma’ faċilitajiet ta’ taħriġ tas-settur pubbliku u tas-settur privat. Hu għalhekk li l-Bord tal-Gvernaturi huwa mmexxi minn President li ġej mis-settur privat u li l-Gvernaturi ġejjin mill-Federazzjoni ta’ l-Industriji, l-Kamra tal-Kummerċ, l-Universita`, id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, u l-ETC.
Il-Ministru Louis Galea qal li jieħu gost jara l-Partit ta’ l-Oppozizzjoni jirkeb l-MCAST, żiemel ieħor li Gvern Nazzjonalista welled fil-qasam ta’ l-edukazzjoni. In-numru ta’ żgħażagħ li jattendu korsijiet tal-livell tal-MCAST tela` minn 2,554 fl-1996 ghal 4,544 is-sena li ghaddiet. Dawn huma bil-fatti 2,000 opportunita` gdida għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.
Meta Dr. Alfred Sant imur fejn l-MCAST, proġett ġdid tal-Gvern Nazzjonalista, u jitkellem dwar il-partnership u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ ikun qed jabbuza mill-memorja żgħażugħa ta’ l-istess żgħażagħ.
- Fi sbatax-il sena bejn l-1971 u l-1987, il-Gvern Laburista ta’ dak iz-zmien kien kapaċi joħloq biss korpi ta’ xogħol taħt dixxiplina militari, li fihom ikkundanna eluf ta’ żgħażagħ għal xogħol manwali, mħallas b’inqas mill-paga minima.
- L-Onor. Dr. Alfred Sant huwa l-istess bniedem li kien iċ-Chairman ta’ kumitat ta’ għazla ta’ studenti ghall-Universita’, li xogħlhu kien li jillimita l-opportunitajiet ta’ dħul ta’ ġuvintur u tfajliet fl-Universita` bis-sistema tal-parrinu u l-għoxrin punt.
- Filwaqt li fl-1996, l-aħħar sena tal-Gvern Nazzjonalista l-ieħor, l-ispiża rikorrenti ta’ l-Universita` kienet LM 7.6 miljun, l-Onor. Dr. Alfred Sant bhala Prim Ministru, niżżilha b’LM 400,000 fl-aħħar Budget tiegħu għall-1998.
Il-Ministru Louis Galea qal li dawn huma biss uħud mill-fatti li jixhdu rekord ta’ Partit Laburista li kull darba li kien fil-Gvern, kien ta’ theddida serja għall-opportunitajiet taż-żgħażagħ.
Il-Ministru Galea temm jgħid li l-partnership Laburista ifisser friża ta’ l-opportunitajiet għaż-żagħżagħ kif kienu jibqgħu fil-friża l-opportunitajiet, li bil-fatti gawdew f’das-sentejn l-1,500 żgħażagħ mill-Programmi Edukattivi ta’ l-Unjoni Ewropeja.
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932