Is-Segretarju Parlamentari George Pullicino, jitkellem waqt Konferenza Nazzjonali organizzata minn Nature Trust (Malta)
L-Oppożizzjoni mhux biss ma tridx li Malta timxi ’l quddiem b’futur garantit fi sħubija ma’ l-Unjoni Ewropea iżda trid li l-pajjiż imur lura lejn iż-żmien ta’ meta saru l-agħar diżastri fl-ambjent f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-użu ta’ l-art.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ambjent u l-Ippjanar, il-Perit George Pullicino, f’diskors li għamel waqt il-Konferenza Nazzjonali organizzata minn Nature Trust (Malta) nhar is-Sibt 15 ta’ Frar.
L-Onor. Pullicino fakkar kif il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni kien qal li certi proġetti, bħal ‘yacht marina’ u l-‘golf course’ f’Għawdex jistgħu, taħt Gvern Laburista, jiġu approvati permezz ta’ liġi specjali. Issa din il-ġimgħa, waqt konferenza nazzjonali organizzata mill-Kunsill Konsultattiv Dwar l-Industrija tal-Bini (BICC), ir-rappreżentant tal-Partit Laburista ħabbar li mil-lum, il-Partit Laburista se jibda jilqa’ dettalji dwar proġetti u idejat ta’ żvilupp biex jibda jikkonsidrahom ħalli, skond hu, sakemm il-Partit tiegħu jkun fil-Gvern, ikun diġa` tnaqqas l-ipprocessar ta’ dawn l-applikazzjonijiet.
Barra minn dan, huwa kkonferma wkoll li l-Partit Laburista, jekk ikun fil-Gvern, jirriduci lill-Awtorita` dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (il-MEPA) għal erba’ dipartimenti: l-ippjanar, l-ambjent, riżorsi naturali u protezzjoni civili.
Is-Segretarju Parlamentari George Pullicino qal li skond ir-rappreżentant tal-Partit Laburista, dawn id-Dipartimenti jkunu taħt ministru wieħed. Wara dawn id-dikjarazzjonijiet, is-Segretarju Parlamentari Pullicino ghamel diversi mistoqsijiet lir-rappreżentant tal-Partit Laburista f’din il-konferenza, fosthom:
- Se tagħmluhom pubblici dawn is-sottomissjonijiet li se tircievu, f’ġieh is-serjeta` u t-trasparenza ?
- Se ssemmu min hemm wara dawn il-proposti ?
- Se ssemmu x’tip ta’ żvilupp qed ikun propost ?
- Se ssemmu fejn se jkunu dawn il-proposti ta’ żvilupp ?
- Il-proposti se jkunu pubblikati qabel l-elezzjoni biex il-poplu jkun jaf aktar dwar dawn il-proġetti ?
- Ghall-Partit Laburista, il-partecipazzjoni pubblika hija ostaklu burokratiku li ghandu jitneħħa ?
- Jekk il-Partit Laburista jkun fil-Gvern se jitlob lill-applikanti jagħmlu studju dwar l-impatt fuq l-ambjent skond kif inhuma r-regolamenti llum, li jagħtu wkoll ċans lill-pubbliku biex jissottomettu l-kummenti tagħhom?
- Din hi l-viżjoni ambjentali tal-Partit Laburista, li skond xi deciżjoni li se jieħu xi ħadd, x’imkien, jiġi deciż li certi applikazzjonijiet ghal żvilupp jitneħħew mill-iskrutinju li jgħaddu minnhom applikazzjonijiet oħra ?
Sakemm tibqa’ ma tingħatax tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet, tibqa’ l-biża’ li kull m’għandu f’moħħu l-Partit Laburista hu li jreġġa’ l-arloġġ lura għaż-żmien meta kien il-Ministru u dawk ta’ madwaru, li jiddeċiedu xi żvilupp isir; liema żvilupp ġab sfreġju fuq l-ambjent ta’ pajjiżna fis-snin sebgħin u tmenin.
Bi proposta bħal din joħroġ aktar ċar li l-Partit Laburista mhux sinċier meta jitkellem favur l-ambjent minkejja l-kliem fieragħ li jgħid mill-Oppożizzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Pullicino qal li l-Partit Laburista jemmen fir-riciklaġġ għax dak li qed jipproponi, huma strutturi u modi ta’ tmexxija li fis-snin sebgħin u tmenin għamlu ħerba fil-pajjiż. Il-Partit Laburista dejjem jgħid li jrid jagħti spazju lil kulħadd. L-ispazju jagħtih lil dawk biss li jaqblu miegħu. Meta f’Mejju li għadda xi għaqdiet ambjentali rrimarkaw li l-Partit Laburista għandu kredibbilta` fqira fil-ħarsien ta’ l-ambjent, il-kelliem tal-Partit Laburista dwar l-ambjent ġie rrappurtat li qal, ironikament f’Jum l-Ambjent, li l-għaqdiet ambjentali mhux xogħolhom li jagħmlu stqarrijiet politici.
L-Onor. Pullicino qal li hu jixtieq jirringrazzja lill-għaqdiet ambjentali għax kienu huma li tellgħu l-ambjent ’l fuq fl-aġenda nazzjonali u tal-partiti politiċi.
Il-kliem li l-Partit Laburista jgħid dwar partecipazzjoni pubblika, spazju lil kulħadd, spazju għall-kreattivita` ta’ l-individwu, huma kliem sbieħ, iżda meta ma jkunux kumplimentati minn azzjoni konkreta, dan il-kliem jispicca biss teatrin.
Dan il-Gvern daħħal partecipazzjoni pubblika wiesa’ fil-processi kollha ta’ l-ippjanar u f’dak li jirrigwarda l-process ta’ kif isiru l-istudji dwar l-impatt ambjentali. Kulħadd illum, mid-dar tiegħu, jista’ jara kull informazzjoni li jrid dwar l-applikazzjonijiet. Fis-sentejn ta’ amministrazzjoni Laburista, iddaħħlet miżura li biha jekk persuna riedet tara pjanta ta’ proposta ta’ żvilupp li tkun ġiet sottomessa lill-Awtorita` ta’ l-Ippjanar (illum l-Awtorita` ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar), bilfors ridt tieħu miegħek lill-perit. Dan huwa l-livell ta’ fiducja li l-Oppożizzjoni tipprofessa li għandha fil-kapacitajiet tal-poplu Malti li jkollu access għall-informazzjoni ambjentali, biex ikun jista’ jieħu deciżjonijiet infurmati f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ambjent.
George Pullicino qal li hemm baħar jaqsam bejn il-kliem fieragħ u l-azzjonijiet konkreti, li jridu jittieħdu fil-qasam ta’ l-ambjent. Il-Gvern intrabat, b’iswed fuq l-abjad, dwar miżuri ta’ kif għandu jitjieb l-ambjent.
Kull min irid jinforma ruħu biex jifforma opinjoni dwar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja, dan kollu jista’ jagħmlu. Il-Gvern mhu qed jaħbi xejn u jrid iħalli f’idejn il-poplu. Bħas-soltu, l-Partit Laburista jrid jinsisti li l-verdett tal-poplu fuq “issue” partikolari waħda, mhijiex biżżejjed għalih u ma jafdax lill-poplu. Il-Gvern jemmen li l-poplu issa għandu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiddeciedi favur qabża fil-kwalita` tal-ħajja tiegħu stess.
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932