Left arrow Go Back

Konferenza stampa mill-onor. Edwin vassallo, segretarju parlamentari fil-ministeru ghas-servizzi ekonomici

PR186
Date Icon 11/02/2003

F'konferenza stampa li saret illum, is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi, l-Onor. Edwin Vassallo fil-preżenza ta’ rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ, il-G.R.T.U. u l-Federazzjoni għall-Industrija, qassam lill-membri tal-media preżenti, kopja tal-Green Paper: Entrepreneurship in Europe, li ppubblikat il-Kummissjoni Ewropea.

"Dan huwa dokument li ser jitqassam lill-għaqdiet kollha tan-negozju u għandu jgħin lil kull min jixtieq isir jaf aktar f’hiex ser tkun tikkonsisti l-Politika Imprenditorjali fl-Ewropa fil-ġejjieni. Dan l-istess dokument bħalissa huwa il-bażi tad-diskussjoni għal kull min huwa nteressat fis-settur tan-negozju. Kull pajjiż membru u dawk kandidati, inkluż pajjiżna huwa mistieden biex jipparteċipa fl-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni billi jibgħat is-suġġerimenti u l-proposti, bil-għan li dawn ikunu nklużi fid-dokument uffiċjali li jfassal il-politika Ewropea dwar l-imprenditorija.

Dan jindika wkoll kif il-Gvern Malti, kif ukoll l-għaqdiet ta' l-imprendituri Maltin, bi sħubija fl-Unjoni Ewropea ser ikunu jistgħu jinvolvu l-ħidma tagħhom kemm individwalment kif ukoll kollettivament fuq bażi Nazzjonali u Ewropea; u hekk ikunu qed jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet li jittieħdu fl-Unjoni Ewropea." sostna s-Sur Vassallo.

"Ghalhekk ladarba dan id-dokument ikun ippublikat, dan għandu jkun il-Politika Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea f’dik li hija POLITIKA MPRENDITORJALI u għandha sservi bħala l-bażi komuni għall-pajjiżi kollha msieħba fl-Unjoni Ewropea“.

Huwa spjega kif dan id-dokument ikompli jibni fuq dawk il-punti ta’ ħidma li ċ-Charter Ewropew għan-Negozji Zgħar diġa' jenfasizza u joffri direzzjoni siewja lil kull Gvern li ser jimplimentah. Is-Sur Vassallo tenna li fil-ġejjieni qrib huwa mistenni li l-Unjoni Ewropea ser tkompli tisħaq aktar fuq l-importanza li għandha tingħata lill-imprenditur iż-żgħir, kemm jekk self-employed kif ukoll jekk iħaddem miegħu l-impjegati".

Is-Segretarju Parlamentari Vassallo kompla jispjega kif minn dan id-dokument li l-Unjoni Ewropea qed tpoġġi għall-konsultazzjoni pubblika, qed jidher dejjem aktar kif kull Gvern ta' kull pajjiż membru u applikant qed ikun iggwidat biex jagħmel l-aħjar li jista' biex skond il-ħtiġijiet nazzjonali, jippjana l-ħidma tiegħu biex jgħin lil min jaħdem għal rasu jew għandu negozju żgħir:

  • Billi jaħdem b’inqas spejjeż,
  • billi jkollu sistema ta’ tassazzjoni li kapaċi jlaħħaq magħha u ma toħodlux il-parti l-kbira tal-profitti,
  • billi jkun hemm aktar tagħlim għall-imprenditorja fis-sistema skolastika,
  • billi jkunu mfassla liġijiet li ma joħolqux tfixkil għal min huwa żgħir fin-negozju,
  • billi jkunu mħarsa u mgħejjuna n-nies tas-sengħa
  • billi tkun imnaqqsa l-burokrazija,
  • billi jkun hemm aċċess aħjar għall-finanzi bi skemi ta’ għajnuna għal min huwa żgħir fin-negozju,
  • billi l-istess imprendituri jkunu mgħejjuna jagħmlu l-aħjar użu tal-kummerċ elettroniku,

"L-Unjoni Ewropea tfassal direzzjoni u toffri objettivi għall-ħidma li għandha tgħin biex il-kummerċ ikun aktar simplifikat u jkun jista' jsir bl-inqas xkiel possibbli f'suq li s’issa jlaħħaq mat-380 milljun ruħ u li mat-tkabbir huwa mistenni li jiżdied għal 450 miljun ruħ. Dan ser ikun wieħed mill-akbar swieq li kapaċi joħloq ix-xogħol u jibqa’ kompetittiv fil-kompetizzjoni globali li kontinwament qed tbiddel il-mod li bih isir in-negozju. Filwaqt li l-Unjoni Ewropea toffri l-objettivi għall-ħidma; imbagħad huwa f’idejn kull Gvern biex jara x’azzjonijiet irid jieħu. Huwa dmir kull Gvern membru fl-Unjoni Ewropea biex jagħmel l-aħjar li jista' biex dawn l-objettivi jintlahqu u bil-fatti n-negozji żgħar ikunu mgħejjuna joħolqu aktar impjiegi u jkunu aktar innovattivi u kreattivi", tenna s-Sur Vassallo.

Is-Segretarju Parlamentari Vassallo awgura li kull għaqda tan-negozju tagħmel l-aħjar li tista' sabiex kemm fuq livell nazzjonali, kif ukoll fuq livell Ewropew tara li taghti l-kontribut tagħha. B'hekk dan id-dokument, la darba jkun finalizzat, ikun dokument li kapaċi jixpruna lill-Gvern Malti sabiex jieħu l-aħjar deċiżjonijiet possibbli biex ikollna l-aħjar ċirkustanzi possibli fejn kull min jaħdem għal rasu jkun tassew mgħejjun biex ikollu negozju sostenibbli u naraw li kull servizz li jkun offrut lil min qiegħed fin-negozju jkun servizz verament ta’ għajnuna għal min għandu negozju.

"Jiena nemmen li fil-ġejjieni, b'Malta membru fl-Unjoni Ewropea, ser naraw bidla radikali fil-mod ta' kif kull min jieħu d-deċiżjonijiet jasal għad-deċiżjonijiet tiegħu. Irridu naħdmu flimkien, biex nibnu kultura ferm differenti minn dik preżenti, fejn naraw li bis-serjeta' aktar importanza tingħata lin-negozji żgħar. F’pajjiżna, bħal fil-kumplament ta' l-Unjoni Ewropea, in-numru l-kbir tal-ħolqien ta' l-impjiegi ġodda, għad irridu narawh iġġenerat minn negozji żgħar. Dan id-dokument għandu jgħin biex bil-ghajnuna ta' l-Unjoni Ewropea, inkomplu nifhmu iżjed il-ħtieġa u l-importanza ta’ kull min jaħdem għal-rasu.” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija

PR261933

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

More Press Releases Right arrow