2ċ-IL KILO AKTAR GĦAT-TADAM IMKABBAR GĦALL-IPPROĊESSAR
Il-Ministru għall-Agrikultura u Sajd Ninu Zammit ħabbar illum li, minn din is-sena, il-ħlas minimu li l-proċessuri jistgħu jħallsu lill-bdiewa li jkabbru t-tadam għall-ipproċessar se jiżdied b’2ċ għal 9ċ-il kilo.
Il-Ministru Zammit kien qed jitkellem waqt il-preżentazzjoni ta’ Lm252,057 lil tliet proċessuri tat-tadam – Magro Bros (Foods) Ltd, Vernon Food u Farmers Foods – bħala għajnuna biex tagħmel tajjeb għas-sussidju ta’ 5ċ fuq kull kilo tadam li l-bdiewa għaddewlhom għall-ipproċessar matul is-sena li għaddiet.
Permezz ta’ dan is-sussidju ta’ 5ċ-il kilo fuq il-tadam proċessat is-sena l-oħra, il-proċessuri se jkunu jistgħu minn din is-sena jraħħsu l-prodott tagħhom għall-benefiċċju tal-konsumatur. Fl-istess waqt dawk li jkabbru t-tadam se jkunu ħadu xorta waħda l-prezz minimu ta’ 7ċ-il kilo fuq it-tadam li ipprovdew għall-ipproċessar fl-istaġun li għadda.
Il-Ministru Zammit qal li l-ammont totali ta’ sussidju għat-tadam proċessat fl-istaġun li għadda mistenni jilħaq is-somma ta’ Lm320,610.
Hu qal li l-levy fuq it-tadam u l-prodotti tat-tadam se tkompli tonqos matul din is-sena. Hu żied li biex ikun żgurat li dawk li jkabbru t-tadam għall-ipproċessar jibqa’ jkollhom dħul ġust u xieraq, minn din is-sena s-sussidju fuq it-tadam se jiżdied b’2ċ oħra għal 7ċ-il kilo. B’hekk, il-ħlas minimu għat-tadam se jitla’ għal 9ċ-il kilo.
Il-Ministru Zammit irrifera wkoll għall-pakkett miksub fin-negozjati dwar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, u qal li permezz ta’ dawn in-negozjati l-kwota nazzjonali tal-produzzjoni tat-tadam għall-ipproċessar se tkun tista’ titla’ minn 15,000 tunnellata għal 27,000 tunnellata fis-sena sas-sena 2014.
Filwaqt li fakkar li l-għajnuna li se tingħata se toħroġ parti minnha l-Unjoni Ewropea, il-Ministru Zammit tenna li jekk Malta ma tisseħibx fl-UE dawn il-flus ikollu joħroġhom kollha waħdu l-Gvern jew inkella jekk ma jinħarġux, il-biedja ma tingħatax dik l-injezzjoni finanzjarja li għandha bżonn biex tibqa’ sostenibbli u kompetittiva.
Hu kompla li l-programm miftiehem ma’ l-Unjoni Ewropea diġà beda jitwettaq. Għalhekk, il-bdiewa u r-raħħala għandhom quddiemhom għażla ta’ żewġ toroq.
Hu qal li t-triq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea tfisser għajxien garantit għall-bdiewa u r-raħħala marbut ma’ roħs fil-prezzijiet għall-konsumatur. Mill-banda l-oħra, kif sostnew ripetutament diversi esponenti ewlenin ta’ l-Unjoni Ewropea, it-triq l-oħra ta’ partnership xorta tfisser it-tneħħija ta’ kull forma ta’ protezzjoni għas-settur agrikolu.
Għaldaqstant, temm il-Ministru Zammit, mingħajr ristrutturar u mingħajr għajnuna finanzjarja, il-politika ta’ l-Oppożizzjoni twassal biss għall-qerda u r-rovina tal-biedja f’pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932