Titwaqqaf kumpanija biex tipprovdi servizzi fil-qasam ta’ l-immaniġġJar ta’ l-iskart
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, Francis Zammit Dimech, qal li t-twaqqif tal-kumpanija ‘Waste Management Services Limited’, huwa t-twettiq ta’ miżura oħra minn 56 miżura previsti fl-Istrateġija għall-Immaniġġjar ta’ l-Iskart Solidu għall-Gżejjer Maltin li l-Gvern ippubblika f’Ottubru 2001.
Il-Ministru Zammit Dimech kien qed jitkellem meta ppreżenta l-ittri tal-ħatra lic-Chairman u lill-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-kumpanija ġdida Waste Management Services Ltd., li ser tipprovdi servizzi fil-qasam ta’ l-immaniġġar ta’ l-iskart. L-ishma tal-kumpanija se jkunu kollha f’idejn il-Gvern permezz tal-Malta Government Investments Ltd u l-MIMCOL. Skond din l-istrateġija, il-kumpanija kellha titwaqqaf sa’ l-aħħar tas-sena.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-kumpanija l-ġdida ser tieħu f’idejha l-immaniġġar u s-superviżjoni tal-faċilitajiet u servizzi fil-qasam ta’ l-iskart li sal-lum kienu r-responsabbilta’ tad-Dipartiment għall-Implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ l-Iskart, li issa ser jissejjaħ Dipartiment għat-Tindif.
Francis Zammit Dimech qal li l-mod kif l-iskart ser jibda jiġi mmaniġġjat jitlob li jkun hemm struttura li jkollha ċertu awtonomija biex tkun tista’ topera b’mod effiċjenti u tipprovdi servizzi ġodda f’dan il-qasam, u li sal-lum ma jeżistux. Il-kumpanija ser tkun responsabbli biex tara li jingħalqu l-miżbliet tal-Magħtab u l-Qortin u li jiġu riabilitati biex jintużaw għall-ġid komuni, kif ukoll li tinbena l-infrastruttura meħtieġa biex ikun hemm fejn jiġi depożitat l-iskart b’mod ippjanat.
Francis Zammit Dimech qal li din il-kumpanija trid tieħu ħsieb ukoll il-bini ta’ transfer station għall-iskart f’Għawdex biex dan jinġieb Malta f’kontenituri issiġillati, it-twaqqaf ta’ faċilitajiet għall-irkuprar u riċiklaġġ, u l-upgrading ta’ l-impjant ta’ Sant’Antnin biex isir il-compost. Il-kumpanija ser tkun ukoll responsabbli biex, għan-nom tal-Gvern, tara li jkunu osservati l-kundizzjonijiet tal-kuntratti mill-Konsorzja li eventwalment jingħataw it-tenders biex jimmaniġġaw l-iskart li jkun ġej mill-industrija tal-bini, kif ukoll l-iskart domestiku.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li diversi ħaddiema tal-Gvern impjegati tad-Dipartiment għall-Implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ l-Iskart ser jibqgħu jagħmlu l-istess xogħol wara li għażlu li jingħaqdu mal-kumpanija. Hu qal li għal finijiet ta’ servizz, dawn il-ħaddiema ser jibqgħu impjegati tal-Gvern, filwaqt li jkollhom kundizzjonijiet ġodda li ser toffri l-kumpanija l-ġdida. Aktar ’l quddiem, mistennija toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet minn fost l-impjegati tal-Gvern li jkunu jixtiequ jingħaqdu mal-kumpanija bl-istess kundizzjonijiet tal-ħaddiema sħabhom.
Wara, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qassam l-ittra tal-ħatra lill-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-kumpanija Waste Management Services Limited. Dawn huma Nick Degiorgio bħala Chairman u l-Inġ. Alexander Tranter, Euchar Mizzi, Dr. Lucienne Licari u Marco Abela, bħala membri. Is–segretarju tal-Bord huwa Dr. Pierre Lofaro.
Other Press Releases:
PR261930en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...
PR261930