PJAN TA’ ERBA’ SNIN GĦAS-SETTUR TAL-PRODUZZJONI TAL-ĠBEJNIET
Il-Ministru għall-Agrikultura u Sajd l-Onor. Ninu Zammit nhar il-ħadd 24 ta’ Novembru ħabbar li se jitħejja pjan ta’ erba’ snin dwar is-settur tal-produzzjoni tal-ġbejniet. Dan il-pjan se jsir b’ko-operazzjoni sħiħa ma’ l-għaqdiet li jirrappreżentaw lil dawn il-produtturi. L-iskop ta’ dan il-pjan hu li dan is-settur ikompli jissaħħaħ billi l-prodott ikun ta’ l-ogħla kwalità u li ma jkunx ta’ periklu għal saħħet il-konsumatur.
Il-Ministru Zammit, li kien qed jitkellem fil-laqgħa Generali Annwali ta’ l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Produtturi tal-Ġbejniet, li saret fl-Iskola tal-Biedja fl-Għammieri, qal li dan il-pjan għandu jkopri, fost l-oħrajn, tagħrif dwar għajnuna li għandha bżonn din l-industrija biex tkompli tissaħħaħ, taħriġ dwar produzzjoni ta’ ġobon minbarra l-ġbejniet, edukazzjoni dwar l-użu ta’ teknoloġija moderna, l-użu ta’ enerġija solari, għajnuna għal kontrolli aktar professjonali fl-irziezet, għajnuna għall-aħjar immaniġġjar ta’ l-iskart, u taħriġ dwar l-aħjar użu ta’ by-products bħalma huma suf u zalzatt ħalli jkun jista’ jiżdied id-dħul għall-produtturi.
Hu esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-parti l-kbira ta’ dawk li jrabbu n-nagħaġ u l-mogħoż qed jifhmu li d-dinja qed tinbidel u li anki f’Malta l-poplu qed isir aktar konxju mill-kwalità u s-sigurtà tal-prodott li jiekol. Żied li bit-titjib li diġà sar f’dan is-settur qed tikber il-fiduċja tal-konsumatur fih għaliex illum il-konsumatur jaf x’ikun qed jixtri. Dan għaliex mhux biss ħafna mill-produtturi tal-ġbejniet qegħdin jippasturizzaw il-ħalib iżda wkoll qed jippreżentaw il-prodott għall-bejgħ ippakkjat professjonalment u anki bit-tikketta li turi mhux biss id-data sa meta għandu jittiekel iżda wkoll b’tagħrif ieħor dwar jekk il-ġbejniet sarux minn ħalib tan-nagħaġ jew tal-mogħoż u jekk hux minn ħalib pasturizzat jew le.
Il-Ministru Zammit qal li l-Gvern lest jgħin b’kull mezz possibbli lil dawn il-produtturi għaliex din hi industrija tradizzjonali li trid tkompli tissaħħaħ iżda wkoll għaliex hu konvint li dawn il-produtturi għandhom il-ħeġġa li jilħqu l-livell ġodda li qed ifittex il-konsumatur kemm f’dik li hi iġjene kif ukoll fil-kwalità u preżentazzjoni tal-prodott. Żied li t-titjib li qed isir f’dan is-settur diġà qed iħalli l-frott għaliex il-bejgħ tal-ġbejniet żdied u qed jiżdied ukoll l-għadd ta’ nagħaġ u mogħoż li qed jitrabbew. Qal li l-assoċjazzjoni diġà għadha kemm ingħatat għajnuna finanzjarja mill-Gvern biex tkun tista’ tippromwovi aktar dan is-settur.
Hu semma li dawk li jipproduċu l-ġbejniet se jkunu intitolati wkoll għal għajnuna finanzjarja kemm permezz tal-pakkett ta’ għajnuna finanzjarja li tħejja mill-Gvern għall-qasam tal-biedja kif ukoll permezz tà l-għajnuna finanzjarja li Malta se tirċievi mill-Unjoni Ewropea għall-Pjan ta’ Żvilupp Rurali. Barra minn hekk qed tkun negozjata għajnuna mill-Unjoni Ewropea marbuta mat-trobbija tan-nagħaġ.
Dwar l-għajnuna permezz tal-Pjan ta’ Żvilupp Rurali, il-Ministru Zammit qal li l-produzzjoni tal-ġbejniet hi meqjusa bħala waħda tradizzjonali u li hi ta’ benefiċċju mill-aspett ambjentali, u allura tikkwalifika għal fondi li se jkunu disponibbli għall-Pjan ta’ Żvilupp Rurali. Dawn huma intenzjonati primarjament biex jgħinu lill-bdiewa jadattaw u jimmiraw l-attivitajiet tagħhom ħalli jisfruttaw opportunitajiet ta’ negozju u bidliet fid-domandi tas-suq.
Other Press Releases:
PR261930en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...
PR261930