Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047
Date Icon 28/11/2026

L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika. Qalet dan il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar fl-okkażjoni tal-iffirmar ta’ ftehim bejn il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika u l-Malta Football Association.


Permezz ta’ dan il-ftehim iż-żewġ naħat se jkunu qed jikkollaboraw favur il-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika, filwaqt li se jippromwovu kultura ta’ kunsens, rispett u ugwaljanza kemm fil-grawnd kif ukoll barra minnu. L-iffirmar jagħmel parti mill-kampanja tas-sittax-il jum ta’ attiviżmu organizzata mill-Ministeru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.


Il-Ministru Cutajar semmiet kif l-isport iħaddan għadd ta’ valuri importanti. Qalet li l-isport jippromwovi l-fair play u r-rispett lejn l-avversarju. Kompliet tgħid li, permezz tat-taħriġ, l-atleti jitgħallmu jikkontrollaw ir-rabja tagħhom mingħajr ma jirrikorru għall-aggressjoni. Fl-istess ħin, l-isport jgħin ukoll biex jisfida u jkisser l-istereotipi.


Il-Ministru kompliet tgħid li għall-persuni li jgħaddu mit-trawma ta’ vjolenza domestika, l-attività fiżika u l-isport jgħinuhom iħossuhom aktar b’saħħithom kemm fiżikament kif ukoll psikoloġikament. Qalet li lin-nisa vittmi ta’ vjolenza domestika, b’mod partikolari, l-isport jgħinhom jerġgħu jibnu mill-ġdid il-fiduċja fihom infushom. Dan filwaqt li permezz tal-isport il-vittmi joħorġu wkoll mill-iżolament u jibnu ħbiberiji ġodda.


Il-Ministru rrimarkat kif minħabba li l-atleti jkunu jridu jidhru bħala rebbieħa, dawk fosthom li jkunu għaddejjin minn esperjenza ta’ vjolenza domestika, ħafna drabi jagħżlu s-silenzju minħabba l-immaġni.  Hawn semmiet numru ta’ każijiet internazzjonali fejn anki atleti professjonali sfaw vittmi.


“Il-vjolenza mhux dejjem tħalli tbenġil li jidher, għaliex ħafna drabi tkun moħbija fil-kliem li jweġġa’, fil-kontroll fuq il-flus jew il-ħbieb, fit-theddid u anke fl-abbuż diġitali. Għal min bħalissa qed ibati fis-skiet: m’intix waħdek, fittex l-għajnuna. Hemm min jinsab lest jisimgħek u jgħinek timxi lejn ħajja ħielsa u sigura. L-għażla tas-silenzju hija dejjem l-agħar għażla,” temmet tgħid il-Ministru Cutajar.


Permezz tal-ftehim il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika se tipprovdi sa massimu ta’ €10,000 lill-Malta Football Association sabiex jiġu amministrati u mqassma lill-klabbs membri li jridu jimplimentaw numru ta’ inizjattivi miftiehma. Il-klabbs, b’enfasi fuq it-timijiet taż-żgħażagħ, se jkunu qed jorganizzaw workshops edukattivi, taħriġ għall-uffiċjali u anki kontenut edukattiv fuq il-media soċjali bejn Jannar u Mejju tas-sena d-dieħla. 


Fl-istess waqt, sal-10 ta’ Diċembru se jitwettqu għadd ta’ inizjattivi, b’attivitajiet viżibbli matul sittax-il logħba tal-BOV Challenge League, National League 1 u 2, kif ukoll tal-Assikura Women’s League. Il-plejers u l-uffiċjali se jilbsu flokkijiet b’messaġġ kontra l-vjolenza, se jitwaħħlu banners f’diversi grawnds madwar Malta u Għawdex, filwaqt li se jiġu ppubblikati wkoll reels fuq il-midja soċjali bis-sehem ta’ plejers minn timijiet differenti.


Il-ftehim kien iffirmat mill-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Samantha Pace Gasan u mis-Segretarju Ġenerali ta-Malta Football Association Dr Maria Azzopardi.

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sena d-dieħla se tidħol fis-seħħ liġi ġdida dwar il-logħob tan-nar, biex il-qasam tal-piroteknika jkollu qafas regolatorju li jirrifletti ż-żminijiet tal-lum u mhux ir-regoli tal-passat – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR262045

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow