STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin
Iċ-ċerimonja tal-edizzjoni tal-2026 ta’ Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena saret fis-27 ta’ Novembru fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono. Din is-serata ġiet indirizzata mill-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti, u fiha ngħataw premjijiet fi 12-il kategorija differenti, fosthom żewġ kategoriji ġodda li jirrikonoxxu t-titjib fil-produttività permezz tad-diġitalizzazzjoni.
Il-kategoriji l-oħra jkopru wkoll l-inklużjoni, ir-responsabbiltà soċjali, u l-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol.
Fid-diskors tagħha, il-President ta’ Malta fissret din is-serata bħala ċelebrazzjoni tal-ħidma, id-dedikazzjoni u l-impenn tal-ħaddiema kollha, u rikonoxximent li x-xogħol jagħti dinjità lill-ħaddiem li jwettaq ħidmietu b'sagrifiċċju, b’perseveranza u b’sens ta' responsabbiltà.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Keith Azzopardi Tanti saħaq li wara kull suċċess ekonomiku, kull negozju li jikber u kull servizz li jingħata hemm ħaddiema, li ta’ kuljum jagħtu l-aħjar tagħhom. “Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena għandu valur speċjali u jagħtina l-opportunità li nirringrazzjaw lil dawk li jwettqu xogħolhom b’responsabbiltà u dedikazzjoni, li jgħinu lil sħabhom, li jmexxu bl-eżempju u li ta’ kuljum jagħmlu differenza,” sostna l-Ministru.
Ir-rebbieħa f’kull kategorija:
Maniġer tas-Sena – Diane Vella Muscat
Kap tas-Sena – Dorita Maniscalco
Tim tas-Sena – Nurse Navigators – Cancer Care Pathways
L-Aktar Organizzazzjoni li Tippromwovi Bilanċ bejn il-Ħajja Privata u x-Xogħol – National Agency for the Performing Arts
L-Aħjar Imprenditur jew Imprenditriċi – Salvu Borg
L-Aħjar Mexxej Żagħżugħ jew Mexxejja Żagħżugħa Ispiranti – Dr Steve Sammut Alessi
L-Aktar Organizzazzjoni li Tippromwovi r-Responsabbiltà Soċjali – PAVI
L-Aktar Organizzazzjoni Inklussiva – Inspire Foundation
L-Aktar Organizzazzjoni Innovattiva li permezz tad-Diġitalizzazzjoni Għenet il-Produttività – Housing Authority Digitalisation Team
Il-Ħaddiem li permezz tad-Diġitalizzazzjoni Għen il-Produttività – Brian Darmanin
Premju ta’ Lifetime Achievement – Patri Hilary Tagliaferro
Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 – Marlon Grech
Ir-rebbieħa ntgħażlu minn Bord tal-Għażla indipendenti, maħtur apposta biex jivverifika u jevalwa n-nominazzjonijiet skont il-kriterji stabbiliti għal kull kategorija. Il-proċess tfassal biex jiżgura li kull nomina tiġi kkunsidrata b’mod ġust u imparzjali u li l-għażla ssir fuq il-mertu.
Stqarrijiet Oħra:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044