STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Il-Gvern jibqa’ determinat li jkompli jmexxi ’l quddiem il-wegħda elettorali ta’ 5 ijiem ta’ Family Violence Leave
Imtella’ konferenza biex jiġu identifikati aħjar l-isfidi li jiffaċċjaw il-vittmi fid-dinja tax-xogħol
Il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili, Rosianne Cutajar, saħqet li l-Gvern jibqa’ impenjat li jkompli jmexxi ’l quddiem l-wegħda elettorali li tipproponi l-introduzzjoni ta’ ħamest ijiem leave relatat mal-vjolenza fil-familja, li għandha tagħti lill-vittmi ż-żmien u l-ispazju meħtieġ biex ifittxu l-għajnuna, jirrilokaw fejn ikun meħtieġ u jieħdu passi biex jipproteġu lilhom infushom u lill-familji tagħhom.
Hija qalet dan waqt diskussjoni bit-tema ‘A Coordinated Response: Violence against Women and the World of Work’, organizzata mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika flimkien mal-Ministeru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili. Id-diskussjoni ġabret flimkien rappreżentanti tal-Gvern, imsieħba soċjali, unions, entitajiet mhux governattivi u professjonisti minn setturi differenti biex jiġu diskussi r-realtajiet, l-isfidi u l-forom differenti ta’ vjolenza u diskriminazzjoni li jistgħu jaffettwaw lin-nisa fid-dinja tax-xogħol, kif ukoll il-ħtieġa għal rispons koordinat bejn is-setturi differenti.
“Meta mara tkun qed tesperjenza vjolenza, jista’ jkun hemm mumenti fejn ikollha bżonn tieħu deċiżjonijiet immedjati u diffiċli: tfittex l-għajnuna, tirriloka jew tieħu passi biex tipproteġi lilha nnifisha u lill-familja tagħha. F’dak il-mument, m’għandhiex ikollha wkoll tagħżel bejn is-sigurtà tagħha u l-impjieg tagħha. L-impjieg jista’ jipprovdi stabbiltà. L-indipendenza ekonomika tista’ tagħti għażliet. Għal persuna li tkun qed tesperjenza l-vjolenza, li jkollha dawn l-għażliet jista’ jkun parti importanti mill-proċess biex terġa’ tibni ħajjitha,” qalet il-ministru.
Il-ministru saħqet li l-vjolenza ma tieqafx fil-bieb tad-dar, iżda l-impatt tagħha jista’ jestendi għall-impjieg, għas-sigurtà ekonomika u għall-kapaċità tal-mara li tipparteċipa b’mod sħiħ fid-dinja tax-xogħol. Għaldaqstant, hija enfasizzat li d-dinja tax-xogħol għandha tkun parti mir-rispons għall-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Fl-istess waqt, il-post tax-xogħol għandu jkun ambjent sikur, ugwali u ħieles minn kull forma ta’ vjolenza, fastidju u diskriminazzjoni. In-nisa jistgħu jiltaqgħu ma’ diversi sfidi relatati mal-ġeneru tagħhom, fosthom fastidju sesswali, fastidju fuq il-post tax-xogħol, diskriminazzjoni, inugwaljanzi u ostakli li jistgħu jaffettwaw l-opportunitajiet u l-parteċipazzjoni tagħhom fid-dinja tax-xogħol.
“Il-prevenzjoni tal-vjolenza u l-appoġġ lill-vittmi ma jistgħux ikunu r-responsabbiltà ta’ istituzzjoni jew settur wieħed biss. Jeħtieġu ħidma koordinata li tinvolvi lill-Gvern, lil min iħaddem, lill-imsieħba soċjali u lil partijiet oħra involuti,” qalet il-ministru.
Il-Ministru Cutajar temmet tgħid li din id-diskussjoni qed tagħti l-opportunità biex jiġu identifikati aħjar l-isfidi li jiffaċċjaw il-vittmi fid-dinja tax-xogħol u biex jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet ta’ min ikun qed ifittex l-għajnuna, kif ukoll ir-responsabbiltajiet ta’ min iħaddem. Hija saħqet li r-rispons għall-vjolenza domestika għandu jkun wieħed li jpoġġi l-bżonnijiet tal-vittmi fiċ-ċentru, filwaqt li tkompli tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, is-settur privat, l-imsieħba soċjali u l-professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam.
Fid-diskors tagħha, il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Samantha Pace Gasan, spjegat kif l-għan prinċipali ta’ din id-diskussjoni kien li jitrawwem djalogu strutturat bejn l-entitajiet u l-professjonisti li għandhom rwol fil-prevenzjoni tal-vjolenza, fil-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi, kif ukoll professjonisti fil-qasam tad-dinja tax-xogħol, sabiex dawn jirrispondu b’mod effettiv u sensittiv f’sitwazzjonijiet fejn in-nisa jkunu affettwati mill-vjolenza jew mill-inugwaljanza. Din il-ħidma tallinja wkoll mal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika (2023-2028).
Stqarrijiet Oħra:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033