STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’diżabilità jiksbu ħiliet ġodda għal aktar indipendenza u opportunitajiet ta’ xogħol
Disa’ persuni b’diżabilità ngħataw ċertifikat wara li temmew b’suċċess il-programmi Way to Work u Skills4Life tal-Aġenzija Sapport. Dawn il-programmi jgħinu lill-parteċipanti jiżviluppaw ħiliet li jsaħħu l-indipendenza tagħhom, iħejjuhom għad-dinja tax-xogħol u jiftħulhom aktar opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni fil-komunità.
Din kienet it-tieni ċertifikazzjoni ta’ parteċipanti ta’ SkillUp matul din is-sena, b’sitt persuni jtemmu l-programm Way to Work u tliet persuni jtemmu l-programm Skills4Life.
Preżenti għall-għotja ta’ dawn iċ-ċertifikati kien hemm il-Ministru
għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, flimkien mal-Kap Eżekuttiv
tal-Aġenzija Sapport Oliver Scicluna.
Il-Ministru Julia Farrugia saħqet li wara kull ċertifikat hemm kisbiet personali li jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ kuljum tal-persuni b’diżabilità u tal-familji tagħhom. “Li persuna tibda tivvjaġġa waħedha bit-trasport pubbliku, tipprepara l-ikel tagħha jew tidħol fid-dinja tax-xogħol huma kisbiet li jġibu magħhom aktar libertà, kunfidenza u għażla. Għall-familji, dawn il-passi jfissru wkoll is-serħan il-moħħ li qed jaraw lil uliedhom jiżviluppaw u jibnu l-futur tagħhom. Bħala Gvern se nkomplu ninvestu f’servizzi li jagħtu lill-persuni b’diżabilità l-appoġġ biex javvanzaw skont l-aspirazzjonijiet tagħhom. Meta żagħżugħ itemm l-edukazzjoni obbligatorja, irid isib opportunitajiet li jħeġġuh ikompli jitgħallem, jiżviluppa u jipparteċipa. Irridu li kull persuna jkollha l-għodod biex tagħmel l-għażliet tagħha u tgħix ħajja ta’ kwalità,” temmet tgħid il-Ministru.
Il-programm Way to Work sar fuq medda ta’ 25 ġimgħa u inkluda taħriġ dwar it-tħejjija għax-xogħol, l-imġiba fuq il-post tax-xogħol, il-kura personali u l-immaniġġjar tal-flus. Il-parteċipanti kellhom ukoll esperjenzi prattiċi, żjarat f’postijiet tax-xogħol u opportunitajiet ta’ volontarjat.
Wara dan it-taħriġ, żewġ parteċipanti qed ifittxu impjieg bl-appoġġ tal-Lino Spiteri Foundation, filwaqt li tnejn oħra komplew b’taħriġ mal-MCAST u Aġenzija Żgħażagħ. Parteċipant ieħor saħħaħ il-ħiliet li għenuh iżomm l-impjieg tiegħu, filwaqt li persuna oħra bdiet taħdem fin-negozju tal-familja.
Fost l-istejjer ta’ suċċess hemm dik ta’ parteċipant li, wara li s-sena l-oħra temm Skills4Life, kompla bil-programm Way to Work. Permezz tat-taħriġ u l-appoġġ li rċieva, kiseb il-kunfidenza biex jibda juża t-trasport pubbliku u jasal għat-taħriġ b’mod indipendenti.
Skills4Life jiffoka fuq ħiliet essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum, fosthom il-komunikazzjoni, ir-relazzjonijiet ma’ ħaddieħor, il-kura personali, it-tħejjija tal-ikel u l-ippjanar tal-ħin u tal-flus.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, semma kif l-iżvilupp ta’ SkillUp ikompli juri l-bżonn ta’ programmi bħal dawn li jindirizzaw il-lakuna li jinstabu fiha żgħażagħ b’diżabilità wara tmiem l-edukazzjoni ta’ sittax-il sena. “Sabiex bħala Aġenzija nkomplu nsostnu fuq ħajja indipendenti, hemm il-ħtieġa li ngħinu lill-persuni b’diżabilità jakkwistaw jew itejbu l-ħiliet neċessarji sabiex verament ikunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti u ta’ kwalità. Programmi bħal SkillUp, sena wara l-oħra qegħdin juru mhux biss l-interess imma ż-żieda fil-kunfidenza u t-tisħiħ tal-abilitajiet tal-parteċipanti wara t-tmiem ta’ dawn il-programmi. Dan qed jiġi rikonoxxut ukoll fuq livell Ewropew hekk kif dis-sena SkillUp intgħażel bħala finalist fil-European Social Services Awards f’żewġ kategoriji; fil-kategorija Disability and Accessibility in Social Services u fil-kategorija Headline Jury Award for Social Inclusion,” temm jgħid Scicluna.
Mit-tnedija tiegħu fl-2022, Way to Work laħaq 61 persuna b’diżabilità. Il-programm li jmiss mistenni jibda f’Jannar 2027, filwaqt li programm ieħor ta’ Skills4Life huwa ppjanat għal April tal-istess sena.
Stqarrijiet Oħra:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021