STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għawdex 2026’, biċ-ċelebrazzjonijiet jibdew bil-kunċert spettakolari ‘Christmas It’s Time’
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda l-programm uffiċjali Christmas in Gozo 2026, programm annwali li jkompli jsaħħaħ lil Għawdex bħala destinazzjoni unika matul dan iż-żmien tas-sena, billi jgħaqqad it-tradizzjonijiet u l-kultura ma’ attivitajiet u esperjenzi għall-familja kollha. Il-programm jinkludi kalendarju varjat ta’ attivitajiet li se jagħtu ħajja lill-irħula u l-lokalitajiet Għawdxin, filwaqt li jkomplu jsaħħu l-atmosfera festiva li tagħmel lil Għawdex destinazzjoni tant imfittxija matul il-Milied.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “il-Milied f’Għawdex sar appuntament importanti fil-kalendarju kulturali u turistiku ta’ Għawdex. Kull sena naħdmu biex noffru programm li jirrifletti l-identità u t-tradizzjonijiet uniċi tal-gżira tagħna, filwaqt li joffri esperjenzi ġodda u divertiment għal kulħadd. Il-Milied f’Għawdex huwa ferm aktar minn sensiela ta’ attivitajiet; huwa esperjenza li tgħaqqad lill-komunitajiet tagħna u tattira viżitaturi li jixtiequ jgħixu l-awtentiċità tal-gżira. Nistieden lil kulħadd iżur Għawdex u jiskopri l-atmosfera speċjali li noħolqu flimkien f’dan iż-żmien tas-sena.”
Huwa kompla jgħid li l-ftuħ uffiċjali tal-istaġun tal-Milied f’Għawdex se jsir nhar is-Sibt, 28 ta’ Novembru, bil-kunċert Christmas It’s Time, li se jittella’ fit-Teatru Astra fir-Rabat. Fl-istess jum, se jinxtegħlu wkoll id-dwal fil-Ġonna ta’ Villa Rundle, li għal darb’oħra se jinbidlu f’attrazzjoni maġika b’installazzjonijiet imdawla, figuri tal-Milied u dekorazzjonijiet li joħolqu ambjent mill-isbaħ għall-familja kollha. Din l-esperjenza tibqa’ miftuħa sas-6 ta’ Jannar 2027. Mid-29 ta’ Novembru sal-24 ta’ Diċembru, fi ġranet magħżula, il-Ġonna ta’ Villa Rundle se jospitaw ukoll is-Suq tal-Milied, fejn il-pubbliku jista’ jsib prodotti artiġjanali, ikel tradizzjonali u attivitajiet ta’ divertiment għat-tfal.
Waħda mill-attrazzjonijiet ewlenin tal-programm tibqa’ Betlehem f’Għajnsielem. Mit-12 ta’ Diċembru sat-3 ta’ Jannar, l-għelieqi ta’ Ta’ Passi se jerġgħu jittrasformaw ruħhom f’rappreżentazzjoni ħajja tal-ġrajja tan-Natività, kif kienet aktar minn 2,000 sena ilu. Din l-esperjenza unika ssir possibbli grazzi għall-impenn ta’ aktar minn 100 attur u voluntier, flimkien ma’ annimali, snajja’ tradizzjonali u l-grotta bil-Bambin ħaj.
Il-programm ikompli jkun imżejjen mill-inizjattivi tal-komunitajiet Għawdxin, hekk kif l-irħula madwar il-gżira jżejnu t-toroq tagħhom u jtellgħu wirjiet ta’ presepji tradizzjonali u mekkaniċi. Fost l-attrazzjonijiet li jispikkaw hemm is-siġra tal-Milied kbira fil-limiti ta’ Għar Ilma, f’Santa Luċija. Appuntament ieħor mistenni mill-pubbliku huwa l-Parata tal-Milied, li din is-sena se ssir nhar id-19 ta’ Diċembru fi Triq ir-Repubblika, fil-Belt Victoria. Din il-parata saret parti integrali mill-kalendarju tal-attivitajiet tal-Milied f’Għawdex, u toffri spettaklu u atmosfera ferrieħa li jkomplu jagħtu ħajja liċ-ċentru tal-belt.
Wieħed jista’ jaċċessa l-lista sħiħa tal-attivitajiet, il-presepji u l-wirjiet li se jkunu qed isiru madwar Għawdex mill-pubblikazzjoni Il-Milied f’Għawdex fuq https://eventsingozo.com/christmas-in-gozo-2026/#programme-booklet jew mill-App Events in Gozo.
Stqarrijiet Oħra:
PR262012
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...
PR262011