STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika
Il-Ministeru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili u l-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika flimkien mal-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Familja u Dr Lydia Abela, nedew il-kampanja nazzjonali tas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika, bit-tema ‘Call it what it is’.
Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, saħqet li wara kull każ ta’ vjolenza domestika hemm storja differenti. Fil-laqgħat tagħha mal-vittmi, semgħet stejjer ta’ tbatija, ta’ biża’ u ta’ weġgħat li mhux dejjem jidhru minn barra, u ta’ persuni li għal żmien twil ġarrew dan il-piż fis-skiet. Dr Abela enfasizzat l-importanza li bħala soċjetà nifhmu d-dimensjonijiet differenti tal-vjolenza domestika, filwaqt li nkunu aktar konxji tar-realtajiet li jgħaddu minnhom il-vittmi u noffrulhom l-appoġġ meħtieġ.
“Ma teżistix storja waħda ta’ vjolenza domestika. Kull vittma għandha l-istorja tagħha, ir-realtajiet tagħha u l-ġlieda tagħha. Minflok niġġudikawhom, ejjew noffrulhom spalla, u minflok indawru wiċċna, nagħżlu li nisimgħu, nifhmu u ngħinu,” saħqet Dr Lydia Abela.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon tkellem dwar l-importanza tal-prevenzjoni, l-għarfien, l-aċċess għall-ġustizzja u t-tisħiħ tas-servizzi ta’ appoġġ li huma elementi essenzjali biex jinbena ambjent fejn il-vittmi jħossuhom siguri li jfittxu l-għajnuna u fejn l-ebda forma ta’ vjolenza ma tiġi ttollerata.
“Il-preżenza kollettiva tagħna llum tixhed kemm verament irridu nkomplu naħdmu favur soċjetà aktar sigura, inklużiva u ħielsa mill-vjolenza għax il-vjolenza ma tagħmilx distinzjoni u l-protezzjoni, il-ġustizzja u d-dinjità għandhom ikunu garantiti għal kulħadd,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Il-kampanja ‘Call it what it is’ tenfasizza l-għeruq tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, li jibdew ferm qabel ma l-vjolenza ssir iżjed evidenti. Fil-fatt, il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili, Rosianne Cutajar spjegat kif l-għan ewlieni ta’ din il-kampanja hu li jitqajjem iżjed għarfien dwar l-isterjotipi tal-ġeneru li jagħmlu l-ħsara, is-sessiżmu u l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri.
Il-Ministru Rosianne Cutajar saħqet kif dawn il-fenomeni joħolqu ambjent fejn ċertu imġiba jew attitudnijiet abbużivi jiġu normalizzati, minimizzati jew saħansitra interpretati bħala espressjonijiet ta’ mħabba u għożża, meta fil-fatt jistgħu jkunu manifestazzjonijiet ta’ sessiżmu, fastidju, kontroll, manipulazzjoni jew forom oħra ta’ abbuż.
Il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Samantha Pace Gasan spjegat kif din il-kampanja qed issir propju sabiex dawn l-imġibiet u l-attitudnijiet jingħarfu minn stadju bikri, ma jiġux skużati jew minimizzati, u jissejħu dak li verament huma: vjolenza u abbuż. Taħt dan il-messaġġ ewlieni, il-kampanja se tinkludi sensiela ta’ inizjattivi marbuta mal-forom u aspetti differenti tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.
L-inizjattivi jolqtu għaqdiet mhux governattivi, entitajiet governattivi u l-pubbliku bħala parti mill-prevenzjoni li dejjem qiegħda tingħata aktar prijorità biex tiġi eliminata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.
Imfakkra kull sena anke fuq livell internazzjonali, din il-kampanja tkompli ssaħħaħ il-messaġġ favur sforz kollettiv sabiex nipprevjenu u niġġieldu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika matul is-16-il Jum ta’ attiviżmu li jseħħu bejn il-25 ta’ Novembru li jimmarka l-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, u l-10 ta’ Diċembru li jimmarka Jum id-Drittijiet tal-Bniedem.
Ritratti (DOI/MER/MSF)
Stqarrijiet Oħra:
PR262010en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...
PR262010