STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mat-tmexxija tal-UĦM
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, iltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-UĦM – Voice of the Workers, bħala parti minn sensiela ta’ laqgħat ma’ msieħba soċjali u rappreżentanti tal-ħaddiema, bil-għan li jisma’ direttament il-prijoritajiet, l-esperjenzi u t-tħassib tagħhom.
Matul il-laqgħa, l-Ispeaker awgura lill-UĦM u lit-tmexxija l-ġdida tagħha, filwaqt li feraħ lil Isabelle Farrugia għall-ħatra tagħha bħala l-ewwel mara li se tmexxi trade union ġenerali f’Malta fil-kariga ta’ kap eżekuttiv. Huwa awgura wkoll lilha u lill-membri l-oħra tat-tmexxija kull suċċess fir-responsabbiltajiet tagħhom.
L-Ispeaker Abela saħaq dwar l-importanza li l-Parlament jibqa’ miftuħ, aċċessibbli u qrib in-nies. Spjega li l-laqgħat ma’ msieħba soċjali u rappreżentanti tal-ħaddiema huma parti minn dan l-impenn. F’dan il-kuntest, irrefera wkoll għaż-żjarat li qed jagħmel f’kumpaniji u fuq il-postijiet tax-xogħol, sabiex jisma’ direttament mingħand il-ħaddiema u min iħaddem dwar l-esperjenzi u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom. Huwa semma li sa issa żar Għawdex darbtejn, fejn iltaqa’ ma’ rappreżentanti tan-negozji, u qal li beħsiebu jkompli jagħti spazju għal dawn iż-żjarat.
Il-laqgħa tat ukoll l-opportunità lill-UĦM biex tippreżenta l-ħidma u l-prijoritajiet tagħha, taqsam l-esperjenzi u tesprimi l-fehmiet tagħha dwar kif jistgħu jissaħħu l-għarfien u l-parteċipazzjoni fil-ħajja parlamentari.
Matul il-laqgħa, il-President tal-UĦM, Josef Vella, spjega li minkejja li fl-aħħar għaxar snin il-unjin għaddiet minn riforma sħiħa tal-istatut tagħha, l-għanijiet tagħha baqgħu l-istess. Semma wkoll il-ftehim li l-UĦM għamlet mal-Università ta’ Malta biex toffri għajnuna f’oqsma ta’ studju partikolari, filwaqt li stieden lill-Ispeaker u lill-Parlament biex iwasslu ideat u proposti.
L-Ispeaker Abela tenna l-importanza tad-djalogu u tal-kuntatt dirett ma’ setturi differenti tas-soċjetà, filwaqt li saħaq li laqgħat bħal dawn jikkontribwixxu biex tissaħħaħ ir-rabta bejn il-Parlament, l-imsieħba soċjali u l-komunità inġenerali.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en