Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011
Date Icon 25/11/2026

Il-Ministeru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili  u l-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika flimkien mal-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Familja u Dr Lydia Abela, nedew il-kampanja nazzjonali tas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika, bit-tema ‘Call it what it is’. 

 

Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, saħqet li wara kull każ ta’ vjolenza domestika hemm storja differenti. Fil-laqgħat tagħha mal-vittmi, semgħet stejjer ta’ tbatija, ta’ biża’ u ta’ weġgħat li mhux dejjem jidhru minn barra, u ta’ persuni li għal żmien twil ġarrew dan il-piż fis-skiet. Dr Abela enfasizzat l-importanza li bħala soċjetà nifhmu d-dimensjonijiet differenti tal-vjolenza domestika, filwaqt li nkunu aktar konxji tar-realtajiet li jgħaddu minnhom il-vittmi u noffrulhom l-appoġġ meħtieġ.

 

“Ma teżistix storja waħda ta’ vjolenza domestika. Kull vittma għandha l-istorja tagħha, ir-realtajiet tagħha u l-ġlieda tagħha. Minflok niġġudikawhom, ejjew noffrulhom spalla, u minflok indawru wiċċna, nagħżlu li nisimgħu, nifhmu u ngħinu,” saħqet Dr Lydia Abela.

 

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon tkellem dwar l-importanza tal-prevenzjoni, l-għarfien, l-aċċess għall-ġustizzja u t-tisħiħ tas-servizzi ta’ appoġġ li huma elementi essenzjali biex jinbena ambjent fejn il-vittmi jħossuhom siguri li jfittxu l-għajnuna u fejn l-ebda forma ta’ vjolenza ma tiġi ttollerata.

 

“Il-preżenza kollettiva tagħna llum tixhed kemm verament irridu nkomplu naħdmu favur soċjetà aktar sigura, inklużiva u ħielsa mill-vjolenza għax il-vjolenza ma tagħmilx distinzjoni u l-protezzjoni, il-ġustizzja u d-dinjità għandhom ikunu garantiti għal kulħadd,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

 

Il-kampanja ‘Call it what it is’ tenfasizza l-għeruq tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, li jibdew ferm qabel ma l-vjolenza ssir iżjed evidenti. Fil-fatt, il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili, Rosianne Cutajar spjegat kif l-għan ewlieni ta’ din il-kampanja hu li jitqajjem iżjed għarfien dwar l-isterjotipi tal-ġeneru li jagħmlu l-ħsara, is-sessiżmu u l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri.

 

Il-Ministru Rosianne Cutajar saħqet kif dawn il-fenomeni joħolqu ambjent fejn ċertu imġiba jew attitudnijiet abbużivi jiġu normalizzati, minimizzati  jew saħansitra interpretati bħala espressjonijiet ta’ mħabba u għożża, meta fil-fatt jistgħu jkunu manifestazzjonijiet ta’ sessiżmu, fastidju, kontroll, manipulazzjoni jew forom oħra ta’ abbuż.

 

Il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Samantha Pace Gasan spjegat kif din il-kampanja qed issir propju sabiex dawn l-imġibiet u l-attitudnijiet jingħarfu minn stadju bikri, ma jiġux skużati jew minimizzati, u jissejħu dak li verament huma: vjolenza u abbuż. Taħt dan il-messaġġ ewlieni, il-kampanja se tinkludi sensiela ta’ inizjattivi marbuta mal-forom u aspetti differenti tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.

 

L-inizjattivi jolqtu għaqdiet mhux governattivi, entitajiet governattivi u l-pubbliku bħala parti mill-prevenzjoni li dejjem qiegħda tingħata aktar prijorità biex tiġi eliminata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.

 

Imfakkra kull sena anke fuq livell internazzjonali, din il-kampanja tkompli ssaħħaħ il-messaġġ favur sforz kollettiv sabiex nipprevjenu u niġġieldu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika matul is-16-il Jum ta’ attiviżmu li jseħħu bejn il-25 ta’ Novembru li jimmarka l-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, u l-10 ta’ Diċembru li jimmarka Jum id-Drittijiet tal-Bniedem.

 

Ritratti (DOI/MER/MSF)

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets with new UĦM leadership

PR262010en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mat-tmexxija tal-UĦM

PR262010

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jilt...

More Press Releases Right arrow