STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza tad-djalogu u d-diplomazija għat-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, kellu laqgħa mal-Viċi Chairperson tal-Kumitat Permanenti tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, Peng Qinghua, fil-qafas tar-relazzjonijiet storiċi u ta’ ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina.
Matul il-laqgħa, iż-żewġ naħat affermaw l-importanza li jkomplu jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi, li ilhom stabbiliti mill-1972 u li matul is-snin komplew jiżviluppaw f’diversi oqsma, fosthom dawk politiċi, ekonomiċi, edukattivi, xjentifiċi u kulturali.
L-Ispeaker Carmelo Abela enfasizza li r-relazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina hija waħda mibnija fuq il-fiduċja, ir-rispett reċiproku u d-djalogu kontinwu. Huwa saħaq fuq l-importanza li l-kuntatti istituzzjonali u parlamentari jkomplu jikkontribwixxu għat-tisħiħ ta’ din il-ħbiberija u joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ kollaborazzjoni, fosthom il-possibbiltajiet li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali, b’enfasi fuq l-investiment, il-konnettività marittima u tal-avjazzjoni, it-turiżmu u l-faċilitazzjoni tal-kuntatti kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi. Ġie rikonoxxut ukoll il-potenzjal għal aktar kollaborazzjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni, ir-riċerka, ix-xjenza, l-innovazzjoni u l-iskambji kulturali.
Il-laqgħa tat ukoll opportunità għal skambju ta’ fehmiet dwar l-iżviluppi reġjonali u internazzjonali. Fost is-suġġetti indirizzati kien hemm ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina, il-gwerra fl-Ukrajna. Ġiet enfasizzata l-ħtieġa li d-djalogu diplomatiku u l-isforzi multilaterali jibqgħu strumenti ewlenin sabiex jiġu indirizzati l-isfidi internazzjonali.
Ġie diskuss ukoll is-summit trilaterali li sar f’Shenzhen ftit tal-jiem ilu, ġabar flimkien lill-President taċ-Ċina Xi Jinping, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u lill-President tar-Russja Vladimir Putin. F’dan ir-rigward, ġiet rikonoxxuta l-importanza li jinżammu mezzi ta’ komunikazzjoni diretti bejn il-potenzi ewlenin tad-dinja, partikolarment fuq kwistjonijiet ta’ paċi u sigurtà internazzjonali, stabbiltà nukleari u governanza globali. Ġie nnutat li, minkejja l-importanza tad-djalogu, għad fadal sfidi sinifikanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-gwerra fl-Ukrajna.
Fi tmiem il-laqgħa, l-Ispeaker Carmelo Abela tenna li Malta tibqa’ impenjata li tkompli tibni fuq ir-relazzjoni pożittiva tagħha maċ-Ċina, filwaqt li tippromwovi d-djalogu, il-kooperazzjoni u r-rispett reċiproku bħala elementi essenzjali għar-relazzjonijiet internazzjonali.
F’dan il-kuntest, l-Ispeaker Abela tenna li l-laqgħat ta’ Shenzhen għandhom jitqiesu bħala żvilupp diplomatiku importanti aktar milli bħala avvanz deċiżiv fuq il-kwistjonijiet internazzjonali diskussi u li l-President Ċiniż Xi Jinping ħa rwol ta’ faċilitatur tad-djalogu bejn il-potenzi ewlenin, u enfasizza l-importanza tal-komunikazzjoni diretta, il-kooperazzjoni u t-tfittxija għal soluzzjonijiet permezz tad-diplomazija.
Iż-żewġ naħat qablu dwar l-importanza li jkomplu jinżammu kuntatti regolari u li jiġu esplorati aktar opportunitajiet ta’ kooperazzjoni għall-benefiċċju taż-żewġ popli.
Ritratti: DOI/SPK
Stqarrijiet Oħra:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262004