Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FIL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Imħabbra passi konkreti dwar il-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna waqt laqgħa mal-għaqdiet volontarji fis-settur

PR261978
Date Icon 20/11/2026

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, iltaqgħet ma’ numru ta’ rappreżentanti ta’ għaqdiet volontarji fis-settur tal-ħarsien tal-annimali biex tiddiskuti magħhom il-passi li qed jittieħdu wara sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni magħhom.

 

Minn dawn il-konsultazzjonijiet ħarġu numru ta’ prijoritajiet ewlenin, fosthom il-liġijiet dwar il-protezzjoni ta’ speċijiet differenti, l-Isptar tal-Annimali f’Ta’ Qali, il-kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali u t-tisħiħ tal-infurzar.

 

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat kif il-Budget 2027 jipprovdi allokazzjoni rekord ta’ €3 miljun għas-settur tal-annimali. Żiedet ukoll li bdew diskussjonijiet mal-Ministeru responsabbli mill-Kunsilli Lokali dwar il-possibbiltà li jitwaqqaf fond apposta għall-ħarsien tal-annimali. Dwar l-Isptar tal-Annimali f’Ta’ Qali, spjegat li għaddejja ħidma mal-MCAST biex il-faċilità tibda topera fl-iqsar żmien possibbli.

 

Is-Segretarju Parlamentari spjegat ukoll li bdew diskussjonijiet dwar emendi leġiżlattivi li jkopru, fost aspetti oħra, it-tgħammir tal-klieb u l-kundizzjonijiet li fihom jinżammu l-annimali domestiċi. Ħabbret ukoll li beda l-proċess biex l-uffiċjali tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jkunu mgħammra b’body cameras. Waqt il-laqgħa tqajjem ukoll il-punt li qed tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li, fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu, l-għaqdiet volontarji jkunu jistgħu jassistu fil-ġbir ta’ evidenza f’każijiet ta’ allegat moħqrija fuq l-annimali.

 

Is-Segretarju Parlamentari rringrazzjat lill-għaqdiet volontarji, lill-attivisti u lill-uffiċjali għall-ħidma tagħhom u enfasizzat l-impenn li l-konsultazzjonijiet jissarrfu f’azzjoni konkreta. “Il-ħarsien tal-annimali hija responsabbiltà tagħna lkoll u l-kejl veru tas-suċċess għandu jkun kemm jirnexxilna ntejbu l-ħajja tal-annimali li jiddependu minna,” sostniet is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said.

 

Waqt il-laqgħa, il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, Elliot Magro, enfasizza li kull speċi għandha tingħata l-protezzjoni u l-kura xierqa. Min-naħa tiegħu, id-Direttur għall-Ħarsien tal-Annimali, Dennis Sciberras, saħaq li d-Direttorat kommess li jkompli jagħti aktar taħriġ u għodod lill-uffiċjali biex jissaħħu l-ispezzjonijiet u l-interventi f’każijiet ta’ moħqrija jew negliġenza.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FIL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  Imħabbra passi konkreti dwar il-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna waqt laqgħa mal-għaqdiet volontarji fis-settur
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  “Is-suċċess tas-saħħa pubblika jitkejjel ukoll minn dak li jirnexxilna nevitaw” – Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg

PR261977

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Mediterranean countries must work together to shape their own future – Minister Chris Fearne

PR261976en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Mediterranea...

Aktar Stqarrijiet Right arrow