Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT

PR261968
Date Icon 19/11/2026

It-8 edizzjoni ta’ din l-attività li saret parti mill-kalendarju annwali nazzjonali u vetrina għat-turisti li jżuruna

 

Il-Gvern, se jkun qed jagħti l-appoġġ tiegħu lill-għaqda volontarja Natalis Notabilis biex għal sena oħra torganizza wieħed mill-aktar avvenimenti popolari tal-Milied f’pajjiżna. Din l-inizjattiva, li issa daħlet fit-tmien sena tagħha, se terġa’ tagħti l-ħajja lit-toroq storiċi tar-Rabat, li se jinbidlu f’villaġġ tal-Milied mimli tradizzjonijiet, divertiment u attivitajiet li jgħaqqdu flimkien familji u komunitajiet sħaħ.

 

Din l-għajnuna finanzjarja tal-Gvern se tgħin lill-għaqda Natalis Notabilis tkopri parti mill-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni ta’ din l-attività, li matul is-snin stabbiliet ruħha bħala waħda mill-aktar attrazzjonijiet mistennija fil-kalendarju tal-Milied f’Malta.

 

L-edizzjoni ta’ din is-sena se ssir bejn l-4 u t-13 ta’ Diċembru 2026, fuq medda ta’ għaxart ijiem, fejn eluf ta’ Maltin, Għawdxin u turisti mistennija jżuru r-Rabat biex igawdu atmosfera unika tal-Milied.

 

It-toroq tar-Rabat se jerġgħu jidħlu fl-ispirtu festiv permezz ta’ dekorazzjonijiet u dwal tal-Milied, tilari bi prodotti artiġjanali u rigali magħmula bl-idejn, ikel tradizzjonali, kunċerti, spettakli mużikali u diversi attrazzjonijiet għat-tfal u l-familji. Fost l-attrazzjonijiet se jkun hemm ukoll il-mixja tal-presepju ħaj, li tkompli tagħti dimensjoni kulturali u tradizzjonali lil din l-esperjenza.

 

Lil hinn mill-aspett festiv, Natalis Notabilis għandu wkoll impatt pożittiv fuq l-ekonomija lokali, hekk kif toħloq opportunitajiet għal negozji żgħar, artiġjani u intraprendituri biex jesponu l-prodotti tagħhom quddiem eluf ta’ viżitaturi, filwaqt li jkompli jippromwovi lir-Rabat bħala destinazzjoni turistika matul il-perjodu tal-Milied.

 

Preżenti għat-tnedija ta’ din l-attività kien hemm id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg kif ukoll il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia. 

 

Dr Borg qal, “Bħala Gvern, permezz ta’ entitajiet u ministeri differenti, qed inkomplu nagħtu l-appoġġ tagħna lill-għaqdiet fl-irħula u l-ibliet Maltin u Għawdxin, għaliex nemmnu li għandna nagħtu l-ispazju, il-fiduċja u l-għodod meħtieġa liż-żgħażagħ u lill-voluntiera tagħna biex ikunu jistgħu jorganizzaw attivitajiet ta’ livell għoli. Natalis Notabilis huwa eżempju ċar ta’ kif inizjattiva li bdiet għall-komunità Rabtija llum kibret u saret waħda mill-attrazzjonijiet ewlenin fil-kalendarju nazzjonali. Permezz ta’ attivitajiet bħal dawn, mhux biss qed insaħħu l-element komunitarju u nrawmu sens ta’ għaqda u appartenenza, iżda qed inkomplu nsaħħu wkoll il-prodott kulturali u turistiku ta’ pajjiżna.”

 

Il-Ministru Julia Farrugia saħqet li dan l-investiment huwa wkoll rikonoxximent tal-ħidma imprezzabbli tal-voluntiera li, b’dedikazzjoni u b’impenn, jagħtu mill-ħin tagħhom biex joħolqu esperjenzi li minnhom tgawdi komunità sħiħa. “Meta nitkellmu dwar il-volontarjat, ħafna drabi naħsbu fis-servizzi soċjali u fl-għajnuna lil min hu fil-bżonn. Iżda l-volontarjat għandu wkoll dimensjoni oħra, fejn iġib lin-nies flimkien, jagħti l-ħajja lill-pjazez u lit-toroq tagħna, u jżomm ħajjin it-tradizzjonijiet li jagħmluna poplu wieħed. Natalis Notabilis huwa eżempju ċar ta’ dan. Wara kull dawl tal-Milied, wara kull attività u wara kull tbissima ta’ tifel jew tifla, hemm il-ħidma ta’ voluntiera li jagħmlu dan kollu possibbli,” sostniet il-Ministru Farrugia.

 

Il-Ministru kompliet tgħid li l-Gvern se jibqa’ jagħraf l-importanza ta’ inizjattivi bħal dawn u jappoġġja lill-għaqdiet volontarji li jagħtu kontribut konkret lill-komunitajiet Maltin u Għawdxin. “Għalina, l-investiment fil-volontarjat huwa investiment dirett fin-nies u fil-komunitajiet tagħna. Irridu nkomplu naraw aktar inizjattivi li jsaħħu l-identità tal-lokalitajiet tagħna, joħolqu opportunitajiet ekonomiċi u, fuq kollox, jagħtu spazju lill-familji biex iqattgħu ħin sabiħ flimkien. Għalhekk se nkomplu nkunu ta’ spalla għal dawk l-għaqdiet li, bil-passjoni u bil-ħidma tagħhom, qed jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja ta’ eluf ta’ persuni,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia.

 

Il-ftehim ta’ appoġġ jara wkoll li matul Natalis Notabilis jingħata spazju lill-Aġenzija Sapport u numru ta’ stands għall-għaqdiet volontarji biex huma jkomplu jressqu l-ħidma tagħhom viċin il-komunità.

 

Din l-attività hija mtella’ wkoll għal darb’oħra bl-appoġġ ta’ Visit Malta u l-Kunsill Lokali tar-Rabat.

 

Il-Viċi Sindku tal-Kunsill Lokali tar-Rabat Matthew Chetcuti saħaq li l-Kunsill Lokali huwa kburi li se jkun qed jagħti l-appoġġ u s-sostenn tiegħu lill-attività ġewwa r-Rabat. Saħaq ukoll li inizjattiva bħal din qed tkompli tpoġġi lil-lokalità fuq il-mappa nazzjonali.

 

Min-naħa tiegħu Sharlo Vassallo minn Natalis Notabilis, ħeġġeġ lil familji u persuni biex jingħaqdu ma’ eluf oħrajn biex iżuru din l-attività u jgawdu mill-ħidma volontarja li tieħu x-xhur filwaqt li rringrazzja lill-Kunsill Lokali, l-entitajiet u l-Ministeri rispettivi.

 

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Malta fost l-ewwel pajjiżi li trasponiet id-Direttiva Ewropea dwar it-Trasparenza fil-Pagi

PR261967

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta fost...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow