STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Camilleri jsostni li s-suċċess tal-Istrateġija Ewropea għall-Gżejjer se jitkejjel mir-riżultati li twassal
Waqt il-Laqgħa Plenarja tal-Kummissjoni tal-Gżejjer tal-Conference of Peripheral Maritime Regions (CPMR) fi Stavanger fin-Norvegja, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri sostna li l-adozzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Gżejjer hija pass importanti, iżda l-veru kejl tas-suċċess tagħha se jkun kemm din tissarraf f’riżultati konkreti għall-komunitajiet tal-gżejjer. Huwa rrefera għall-erba’ prijoritajiet għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija: valutazzjoni xierqa tal-ispejjeż tal-insularità, konnettività reżiljenti, island proofing u aċċess effettiv għall-finanzjament Ewropew sostnut minn data fuq livell ta’ gżira.
Il-Ministru Camilleri stqarr li din kienet laqgħa importanti fuq livell Ewropew mill-Kummissjoni tal-Gżejjer li qiegħda tieħu ħsieb b’mod partikolari fejn jidħlu l-interessi tal-gżejjer madwar l-Unjoni Ewropea kollha. “Konna wkoll voċiferi fejn mhux biss ilqajna l-Istrateġija li l-istess Kummissjoni Ewropea qiegħda tniedi għal madwar il-bqija tal-Ewropa, iżda tkellimna fuq kif issa rridu nidentifikaw u naraw li tali strateġija tkun qiegħda tindirizza l-prijoritajiet li jixtiequ gżejjer bħalma huma Għawdex. Però, naraw ukoll li dawn imbagħad qed jiġu implimentati. U hawnhekk tkellimna dwar l-insularità, li gżejjer bħalma huwa pajjiżna u numru ta’ gżejjer madwar l-Ewropa, isofru minħabba spejjeż addizzjonali b’mod partikolari fejn jidħol it-traġitt, fejn jidħol il-cargo, fejn jidħlu wkoll in-negozji li jridu jħallsu aktar sabiex ikunu kompetittivi. Barra minn hekk, tkellimna wkoll fuq l-aċċessibbiltà li tibqa’ ovvjament ċentrali għal kull gżira madwar l-Ewropa b’mod partikolari għal gżira bħalma hi Għawdex, fejn tidħol imbagħad ukoll l-insularità doppja,” sostna l-Ministru Camilleri.
Il-Ministru Camilleri sostna li jridu jibqgħu jaħdmu wkoll fejn tidħol l-island proofing, li tfisser li fejn jidħlu l-leġiżlazzjonijiet min-naħa tal-Unjoni Ewropea mhux biss wara li jidħlu fis-seħħ jikkunsidraw ir-realtajiet differenti bħalma huma gżejjer bħal pajjiżna, iżda li qabel jibda tali proċess ikun hemm l-impact assessment neċessarju sabiex il-leġiżlazzjoni sa mill-bidu nett tkun qiegħda tieħu ħsieb ir-realtajiet differenti, realtajiet strutturali u ġeografiċi differenti, bħal dawk li huma ta’ gżejjer u ta’ reġjuni madwar l-Ewropa.
Huwa kompla jispjega li l-ispejjeż tal-insularità jaffettwaw il-moviment tal-merkanzija, il-kompetittività tan-negozji, l-aċċess għas-servizzi essenzjali. Fil-każ ta’ Għawdex, il-qagħda ġeografika partikolari tiegħu bħala gżira fi Stat Membru gżira tkompli tkabbar dawn l-ispejjeż strutturali. Dawn ir-realtajiet għandhom għalhekk jittieħdu inkonsiderazzjoni fid-deċiżjonijiet Ewropej dwar il-koeżjoni, it-trasport u l-finanzjament futur. Fl-istess waqt, huwa sostna li l-Istrateġija għandha tkun opportunità biex il-gżejjer jiġu rikonoxxuti mhux biss għall-isfidi li jiffaċċjaw, iżda wkoll għall-potenzjal marittimu tagħhom, ir-riżorsi naturali, l-enerġija rinnovabbli u l-kontribut tagħhom għall-kompetittività u r-reżiljenza Ewropea.
Dwar il-konnettività, il-Ministru enfasizza l-ħtieġa ta’ aċċessibbiltà u konnessjonijiet marittimi u bl-ajru adegwati għall-ħtiġijiet tal-komunitajiet tal-gżejjer, filwaqt li semma l-importanza strateġika tal-Port tal-Imġarr bħala l-port marittimu ewlieni ta’ Għawdex. Huwa enfasizza wkoll li proposti Ewropej rilevanti għandhom jiġu eżaminati minn perspettiva insulari qabel jiġu finalizzati, sabiex jiġu identifikati minn qabel impatti sproporzjonati fuq il-gżejjer, inklużi territorji bħal Għawdex li jiffaċċjaw l-insularità doppja. Dan filwaqt li appella wkoll għal proċeduri proporzjonati, assistenza teknika u data aktar dettaljata fuq livell ta’ gżira, sabiex il-finanzjament u l-politiki Ewropej ikunu jistgħu jirriflettu aħjar il-ħtiġijiet konkreti ta’ dawn it-territorji.
Il-Ministru Camilleri ħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex l-Istrateġija tissarraf fi pjan direzzjonali b’azzjonijiet konkreti, monitoraġġ effettiv u involviment regolari tal-awtoritajiet tal-gżejjer, filwaqt li enfasizza wkoll ir-rwol tal-Kummissjoni tal-Gżejjer tas-CPMR biex tidentifika sfidi komuni u żżomm djalogu kollettiv b’saħħtu mal-istituzzjonijiet Ewropej.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li s-suċċess tal-Istrateġija m’għandux jitkejjel minn kemm-il darba ssir referenza għall-gżejjer, iżda mill-konnessjonijiet li ssaħħaħ, mill-ostakli li tneħħi, mill-opportunitajiet li toħloq u, fuq kollox, mid-differenza konkreta li tagħmel fil-ħajja ta’ dawk li jgħixu, jaħdmu u jinvestu fil-gżejjer tagħna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261963en
PRESS RELEASE BY SERVIZZ.GOV International Recognition for Servizz.gov and...
PR261963