Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958
Date Icon 18/11/2026

Jitħabbru wkoll żewġ skemi b’allokazzjoni totali ta’ €2.2 miljun biex ikomplu jsaħħu l-iżvilupp u l-produzzjoni tal-logħob diġitali f’Malta


Aktar minn 20 kumpanija li joperaw f’Malta kienu rrappreżentati fuq il-palk waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026, bħala xhieda tal-progress miksub fis-setturi tal-iżvilupp tal-logħob diġitali u l-esports.


Il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri qal li llum pajjiżna qed jara r-riżultati tal-ħidma li bdiet fl-2019, meta tnediet l-istrateġija biex jinħolqu u jikbru dawn iż-żewġ niċeċ ekonomiċi ġodda.


Il-Ministru Schembri spjega li din il-ħidma qed tissarraf fi studios li jiżviluppaw il-logħob u l-proprjetà intellettwali tagħhom stess, f’kumpaniji internazzjonali li jagħżlu lil Malta għall-operat tagħhom u f’opportunitajiet ġodda għal persuni b’ħiliet kreattivi u tekniċi. Dan il-progress jagħmel parti mill-pjan tal-Gvern biex Malta ssir ċentru ta’ eċċellenza fid-divertiment interattiv sal-2035, f’konformità mal-Viżjoni Malta 2050.


“Meta nedejna l-istrateġija fl-2019, kellna għan ċar: li niżviluppaw żewġ niċeċ ekonomiċi ġodda li joffru opportunitajiet ta’ xogħol u tkabbir għal pajjiżna. Illum qed naraw il-frott ta’ dik id-deċiżjoni. Il-kumpaniji li hawn magħna huma xhieda konkreta ta’ dak li bnejna flimkien mal-industrija: studios li qed joħolqu l-prodotti tagħhom, negozji li qed jikbru u kumpaniji internazzjonali li qed jagħżlu lil Malta,” qal il-Ministru Schembri.


Fost l-istejjer li juru dan il-progress hemm dik ta’ Midow Studios, li qed jiżviluppa Discovery of Magic, l-ewwel logħba Maltija fir-realtà virtwali li tista’ tintlagħab minn diversi plejers flimkien. Dan huwa eżempju ta’ kif il-kreattività u l-ħiliet lokali qed jissarrfu fi prodotti u fi proprjetà intellettwali żviluppati f’Malta.


FEENIX Group, min-naħa tiegħu, jiżviluppa logħob fuq il-pjattaforma Roblox, filwaqt li Quantic Lab waqqfet l-ewwel laboratorju f’Malta ddedikat għall-ittestjar tal-logħob diġitali. Permezz ta’ dan l-operat, Quantic Lab ġabet f’pajjiżna kompetenza speċjalizzata fl-assigurazzjoni tal-kwalità u fl-ittestjar ta’ verżjonijiet tal-logħob adattati għal swieq differenti. Dawn it-tliet kumpaniji joperaw mill-base camp ta’ GamingMalta fiż-Żejtun u juru d-diversità tal-attivitajiet li qed jiżviluppaw f’dan is-settur.


Waqt l-attività ngħatat prominenza wkoll lil 4A Games, Anvil Game Studios u lill-kumpanija Brażiljana FURIA, li huma parti mill-komunità dejjem tikber tal-logħob diġitali u l-esports f’Malta.


Il-Kap Eżekuttiv ta’ GamingMalta Ivan Filletti enfasizza li l-esperjenzi ta’ dawn il-kumpaniji juru bl-aktar mod ċar il-progress u l-opportunitajiet li qed jinħolqu. “L-aħjar nies biex jitkellmu dwar dan kollu huma dawk li qed isawru l-istorja ta’ dan is-settur f’Malta. Huwa ta’ sodisfazzjon li qed naraw aktar studios jiżviluppaw il-proprjetà intellettwali tagħhom stess u aktar kumpaniji internazzjonali jagħżlu lil Malta bħala l-post fejn ikabbru n-negozju tagħhom,” qal is-Sur Filletti.


Biex jibni fuq dawn ir-riżultati u jkompli jsaħħaħ is-settur, il-Ministru Schembri ħabbar ukoll żewġ skemi b’allokazzjoni totali ta’ €2.2 miljun, immirati lejn l-iżvilupp u l-produzzjoni tal-logħob diġitali f’Malta.


Il-Video Game Gateway Fund, b’allokazzjoni ta’ €200,000 u li mistenni jitnieda fl-ewwel kwart tal-2027, se jgħin studios emerġenti jiżviluppaw logħob li jkunu jistgħu jwasslu fis-suq, filwaqt li jibnu l-proprjetà intellettwali tagħhom stess.


Il-Video Game Production Rebate, skema b’allokazzjoni ta’ €2 miljun u li mistennija titnieda fl-aħħar kwart tal-2027, se tappoġġja l-produzzjoni lokali tal-logħob diġitali u tħeġġeġ studios barranin iwettqu l-produzzjoni tagħhom f’Malta.


“Il-pass li jmiss huwa li nkomplu noħolqu l-kundizzjonijiet biex dawn il-kumpaniji jikbru. Permezz ta’ dawn l-iskemi, se nsaħħu l-appoġġ lill-istudios biex jiżviluppaw il-logħob tagħhom f’Malta u jwassluh fis-swieq internazzjonali, filwaqt li nattiraw aktar produzzjoni lejn pajjiżna. Irridu li Malta tkun il-post fejn l-ideat jinbidlu fi prodotti li jilħqu udjenzi madwar id-dinja,” qal il-Ministru Schembri.


Ġie spjegat ukoll li, sal-2035, il-Gvern qed jimmira li s-settur tad-divertiment interattiv jikkontribwixxi bejn 1% u 2% tal-valur miżjud gross tal-ekonomija Maltija. Il-miri jinkludu wkoll li f’Malta jkun hawn 35 studio tal-iżvilupp tal-logħob diġitali, aktar minn 2,000 impjieg speċjalizzat u erba’ avvenimenti ta’ livell għoli fis-sena.


Il-Ministru Schembri temm billi tenna li l-Gvern se jkompli jaħdem mal-industrija biex il-progress miksub mill-2019 ’l hawn jissarraf f’aktar tkabbir, investiment u opportunitajiet ta’ karrieri ta’ valur għoli f’Malta.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Il-Ministru Anton Refalo jżur il-proġett tat-trobbija u r-ripopolazzjoni tar-rizzi tal-baħar f’Torri San Luċjan

PR261957

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow