Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI L-ewwel 12-il start-up fis-settur tas-semikondutturi jtemmu l-programm ta’ Silicon Catalyst u wħud minnhom qed jistabbilixxu l-operat tagħhom f’Malta

PR261934
Date Icon 16/11/2026

Fit-tielet edizzjoni tal-Global Semiconductor Conference Malta, il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri ħabbar li l-ewwel 12-il start-up fis-settur tas-semikondutturi temmew il-programm ta’ inkubazzjoni ta’ Silicon Catalyst. Wara li temmew il-programm, uħud minn dawn il-kumpaniji qed jistabbilixxu l-operat tagħhom f’Malta. It-tieni grupp ta’ 12-il kumpanija diġà beda l-istess programm.

 

Fid-diskors tal-ftuħ, il-Ministru Schembri spjega li, permezz tal-Viżjoni Malta 2050, il-Gvern qed jibni fuq l-esperjenza li kiseb pajjiżna fis-settur tas-semikondutturi ma’ kumpaniji bħal STMicroelectronics. Fl-istess waqt, qed jiftaħ opportunitajiet f’oqsma ġodda bħad-disinn taċ-ċipep.

 

Il-Ministru enfasizza l-importanza tas-suċċess tal-kumpaniji lokali, fosthom ICECAP, li hija eżempju konkret tal-potenzjal tal-ekosistema tal-innovazzjoni f’Malta. ICECAP, li oriġinat bħala spin-off mill-Università ta’ Malta, illum żviluppat f’kumpanija teknoloġika li tispeċjalizza f’soluzzjonijiet innovattivi ta’‘deep-cooling technologies’, u li bniet il-proprjetà intellettwali tagħha stess u kisbet patents internazzjonali.

 

“Malta kapaċi tmur lil hinn mill-użu tat-teknoloġija. Għandna l-ħila li niddisinjawha, niżviluppawha u nwassluha fis-suq,” qal il-Ministru Schembri.

 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise, George Gregory qal: “Il-Global Semiconductor Conference Malta (GSCM) saret pjattaforma importanti li tlaqqa’ flimkien mexxejja tal-industrija, dawk li jfasslu l-politika, investituri u innovaturi biex flimkien isawru l-futur tas-settur tas-semikondutturi. F’Malta Enterprise naħdmu biex nattiraw l-investiment, nappoġġjaw lin-negozji u nibnu sħubijiet strateġiċi. B’din il-ħidma qed nikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ekosistema tas-semikondutturi f’Malta, f’konformità mal-Viżjoni Malta 2050.”

 

“Il-fatt li Malta tospita din il-konferenza jirrifletti l-ambizzjoni tagħna li nsaħħu l-pożizzjoni ta’ pajjiżna fis-settur Ewropew tas-semikondutturi, nibnu fuq il-kapaċitajiet li diġà għandna u noħolqu opportunitajiet ġodda. Billi nkomplu ninvestu fil-ħiliet, fl-innovazzjoni u fil-kollaborazzjoni, irridu niżguraw li Malta tagħti kontribut siewi biex l-Ewropa tilħaq l-għanijiet tagħha f’dan is-settur. Fl-istess waqt, qed naħdmu biex niżviluppaw ekonomija li toħloq aktar valur miżjud u li tibni aktar fuq l-għarfien,” stqarr il-Kap Eżekuttiv.

 

Il-Ministru Schembri enfasizza wkoll l-importanza tat-taħriġ biex aktar nies ikunu jistgħu jaħdmu f’dan is-settur. L-Università ta’ Malta diġà offriet korsijiet qosra fis-semikondutturi. Għal uħud minn dawn il-korsijiet, l-għadd ta’ applikazzjonijiet qabeż dak tal-postijiet disponibbli. L-MCAST qed iħejji programmi oħra f’dan il-qasam. Is-sena d-dieħla, Malta se tospita l-iskola tas-sajf tal-European Chips Academy, li se tlaqqa’ madwar 40 student mill-Ewropa u minn pajjiżi assoċjati.

 

Il-konferenza ta’ jumejn tlaqqa’ f’Malta rappreżentanti tal-industrija, riċerkaturi u investituri biex jiddiskutu kif l-Ewropa tista’ ssaħħaħ il-kompetittività tagħha fis-settur tas-semikondutturi fid-dawl tal-iżviluppi fl-intelliġenza artifiċjali. Il-Ministru Schembri tenna li Malta se tkompli tieħu sehem fid-diskussjonijiet dwar il-futur tal-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-ewwel 12-il start-up fis-settur tas-semikondutturi jtemmu l-programm ta’ Silicon Catalyst u wħud minnhom qed jistabbilixxu l-operat tagħhom f’Malta
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-ewwel 12-il start-up fis-settur tas-semikondutturi jtemmu l-programm ta’ Silicon Catalyst u wħud minnhom qed jistabbilixxu l-operat tagħhom f’Malta
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  First 12 semiconductor start-ups complete Silicon Catalyst’s incubation programme, with some now setting up operations in Malta

PR261934en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija

PR261933

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...

More Press Releases Right arrow