STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika
Il-Ministeru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili qed jikkonsulta mas-soċjetà ċivili fir-rigward ta’ żewġ abbozzi leġiżlattivi li se jkomplu jsaħħu l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, bil-għan li l-miżuri proposti jirriflettu wkoll l-esperjenzi u l-ħtiġijiet tal-vittmi.
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika organizzat laqgħa konsultattiva li għaliha ġew mistiedna 46 organizzazzjoni mhux governattiva sabiex jikkontribwixxu għall-proċess ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva Ewropea 2024/1385 fil-leġiżlazzjoni Maltija.
Waqt il-laqgħa konsultattiva, il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili, Rosianne Cutajar, saħqet li t-traspożizzjoni tad-Direttiva Ewropea għandha tkun aktar minn sempliċi obbligu leġiżlattiv, iżda opportunità sabiex jissaħħu s-sistemi ta’ protezzjoni u jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċċjaw il-vittmi.
“It-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva hija opportunità biex inkomplu nsaħħu l-protezzjoni tal-vittmi u niżguraw li l-liġijiet tagħna jagħmlu differenza reali fil-ħajja tan-nies. Għalhekk irridu nisimgħu wkoll lil dawk li jaħdmu direttament mal-vittmi, għaliex il-kontribut tagħhom huwa essenzjali biex nibnu sistema li mhux biss tipproteġi, iżda li tkun aċċessibbli, sensittiva u effettiva. Is-suċċess tagħna ma jitkejjilx biss bil-liġijiet li ngħaddu, iżda bid-differenza li dawn jagħmlu fil-ħajja tan-nies,” sostniet il-Ministru Cutajar.
Il-proposti leġiżlattivi jindirizzaw diversi oqsma, fosthom il-vjolenza sesswali, il-vjolenza ffaċilitata mit-teknoloġija, inkluż it-tixrid mingħajr kunsens ta’ materjal intimu, il-protezzjoni tat-tfal milquta mill-vjolenza domestika u t-tisħiħ tas-servizzi speċjalizzati għall-vittmi. Tingħata wkoll attenzjoni partikolari lill-aċċessibbiltà tas-servizzi għal persuni li jistgħu jiffaċċjaw vulnerabbiltajiet jew ostakli addizzjonali.
Min-naħa tagħha, il-Kummissarju għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Samantha Pace Gasan, enfasizzat l-importanza li l-esperjenza diretta tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi tkun riflessa fil-proposti leġiżlattivi.
“L-organizzazzjonijiet mhux governattivi għandhom rwol kruċjali fil-ħidma kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Permezz tal-kuntatt dirett tagħhom mal-vittmi, jistgħu jgħinuna nidentifikaw l-ostakli li għadhom jeżistu u fejn hemm bżonn li nkomplu ntejbu s-servizzi u l-protezzjoni offruta. Din il-konsultazzjoni hija opportunità biex niżguraw li l-qafas legali li qed jitfassal ikun jirrispondi għar-realtajiet li jiffaċċjaw il-vittmi fil-ħajja ta’ kuljum,” tenniet il-Kummissarju.
Wara t-tlestija ta’ dan il-proċess konsultattiv, l-abbozzi leġiżlattivi finali jitressqu għall-approvazzjoni meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jittieħdu l-passi leġiżlattivi sussegwenti biex jidħlu fis-seħħ.
Ritratti: MER
Stqarrijiet Oħra:
PR261930en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...
PR261930