STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija
Il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri inawgura l-uffiċini rinnovati ta’ Hornetsecurity f’Malta. Dan l-investiment ikompli jsaħħaħ operat li beda f’pajjiżna u li llum jagħmel parti minn grupp internazzjonali. It-tim f’Malta huwa magħmul minn madwar 65 impjegat, li aktar minn 90% minnhom huma Maltin, kollha b’ħiliet speċjalizzati ta’ livell għoli. Dan it-tim ġie fdat ukoll bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija, rikonoxximent ċar tal-kwalità tat-talent Malti.
Il-Ministru Schembri ddeskriva din id-deċiżjoni bħala vot ta’ fiduċja fil-ħiliet tal-ħaddiema f’Malta u fil-kapaċità ta’ pajjiżna li jattira investiment speċjalizzat b’valur miżjud għoli.
“Meta kumpanija internazzjonali tiddeċiedi fejn se tiżviluppa l-prodott ewlieni li jmiss tagħha, ikollha diversi għażliet. Id-deċiżjoni tagħkom li tafdaw din ir-responsabbiltà lit-tim hawnhekk hija vot ta’ fiduċja fin-nies Maltin u f’pajjiżna bħala pajjiż fejn tinvesti,” stqarr il-Ministru.
Illum, Hornetsecurity taqdi aktar minn 125,000 klijent f’aktar minn 120 pajjiż, bit-tim f’Malta jiżviluppa funzjonijiet importanti għall-kopji ta’ riżerva tad-data u għall-konformità mal-obbligi regolatorji.
Il-Kap Eżekuttiv u fundatur ta’ Hornetsecurity, Daniel Hofmann, enfasizza l-importanza dejjem tikber taċ-ċibersigurtà u l-opportunitajiet li toħloq għal pajjiżi li kapaċi jwasslu l-għarfien speċjalizzat tagħhom fis-swieq internazzjonali.
“Hekk kif in-negozji jiddependu aktar fuq is-servizzi diġitali, jeħtieġu protezzjoni aktar b’saħħitha, irkupru affidabbli tad-data u ċ-ċertezza li l-operat tagħhom jista’ jkompli. Malta wrietna x’jista’ jinkiseb meta l-ambizzjoni internazzjonali tiltaqa’ ma’ nies b’ħiliet, attitudni prattika u sħubijiet lokali b’saħħithom. Pajjiżkom għandu t-talent, l-appoġġ għan-negozji u l-ambizzjoni biex investiment fit-tul jirnexxi,” qal Hofmann.
Il-Ministru Schembri rabat dan l-investiment mal-viżjoni ekonomika tal-Gvern li jsaħħaħ il-fiduċja tan-negozji u jiżgura li l-ħaddiema jaqsmu fil-prosperità li jgħinu joħolqu. F’dan il-kuntest, irrefera għas-Super Bonus imħabbar fil-Budget 2027 bħala miżura li tagħti lura lill-ħaddiema parti mill-ġid iġġenerat mill-ekonomija.
Malta Enterprise appoġġjat it-tkabbir ta’ dan l-operat permezz tad-Digital Hub fil-Malta Life Sciences Park u tal-iskemi tagħha għar-riċerka u l-iżvilupp u għall-iżvilupp tan-negozju.
“Irridu li aktar kumpaniji li jibdew hawn ikollhom l-opportunità li jikbru hawn, u rridu li gruppi internazzjonali jħarsu lejn Malta meta jiġu biex jagħżlu fejn iwettqu l-aktar xogħol speċjalizzat tagħhom,” temm jgħid il-Ministru Schembri.
Għall-inawgurazzjoni attenda wkoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise, George Gregory.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261920