STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR L-MCCAA tiffirma Ftehim Kollettiv ġdid li se jwassal għal titjib sostanzjali fis-salarji, fil-benefiċċji tal-impjegati u opportunitajiet imsaħħa ta’ żvilupp professjonali
L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) iffirmat Ftehim Kollettiv ġdid li jkopri lill-impjegati rappreżentati mill-General Workers’ Union (GWU) u l-UĦM – Voice of the Workers.
Il-Ftehim, li jkopri l-perjodu 2026–2030, jirrappreżenta investiment sinifikanti fil-forza tax-xogħol tal-Awtorità, billi jintroduċi titjib sostanzjali fil-pagi, ir-rikonoxximent professjonali, l-arranġamenti tax-xogħol u l-benesseri tal-impjegati.
Għall-iffirmar tal-Ftehim kienu preżenti l-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti, is-Segretarju Permanenti responsabbli mill-People & Standards fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joyce Cassar, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Jonathan Vassallo, iċ-Chairperson Eżekuttiva tal-MCCAA Carmen Ciantar, rappreżentanti tal-General Workers’ Union (GWU) u tal-UĦM – Voice of the Workers, uffiċjali mit-Taqsima għar-Relazzjonijiet Industrijali (IRU), kif ukoll membri tat-tmexxija għolja tal-Awtorità.
Waħda mill-aktar karatteristiċi importanti tal-Ftehim Kollettiv il-ġdid hija t-titjib sostanzjali fil-pakketti ta’ remunerazzjoni tal-impjegati. Dan jipprevedi aġġustament immedjat fis-salarji fl-2026, segwit minn żidiet annwali ta’ 3.5% fl-iskali bażiċi tas-salarji sal-2030. Il-Ftehim jintroduċi wkoll qafas aktar strutturat u ekwu għall-allowances, inkluż Allowance ġdida tal-MCCAA applikabbli għall-gradi kollha, flimkien ma’ titjib f’allowances oħra rilevanti, biex jiġi żgurat rikonoxximent aħjar tar-responsabbiltajiet u l-kontribut professjonali tal-impjegati.
Enfasi partikolari tqiegħdet fuq ir-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi u l-kompetenzi professjonali permezz ta’ titjib fl-Allowance tal-Kwalifiki. Din issa se tkun disponibbli wkoll għal impjegati li għandhom kwalifiki ta’ Livell 7 tal-Malta Qualifications Framework (MQF) jew ogħla, irrispettivament minn jekk dawn il-kwalifiki kinux meħtieġa għall-ħatra tagħhom.
Il-Ftehim jintroduċi wkoll arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli, b’ħinijiet alternattivi tax-xogħol u sigħat ewlenin tax-xogħol definiti b’mod ċar, flimkien ma’ dispożizzjonijiet imtejba tal-leave biex jappoġġjaw bilanċ aktar b’saħħtu bejn il-ħajja personali u dik professjonali.
L-iżvilupp professjonali jibqa’ prijorità ewlenija oħra. L-impjegati se jibbenefikaw minn intitolamenti aktar favorevoli għall-istudy leave, aktar appoġġ għall-Iżvilupp Professjonali Kontinwu (CPD) u opportunitajiet usa’ biex ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom.
Barra minn hekk, il-Ftehim isaħħaħ il-miżuri favur il-familja u l-appoġġ għall-impjegati permezz ta’ dispożizzjonijiet imtejba tal-leave, inklużi arranġamenti aktar favorevoli relatati mar-responsabbiltajiet tal-ġenituri, il-leave għall-kura ta’ persuni dipendenti, il-luttu u tal-korriment tat-tqala. Miżura ġdida ta’ solidarjetà tippermetti wkoll lill-impjegati jagħtu volontarjament sa 100 siegħa mil-leave annwali tagħhom lil kollegi li jkunu qed jiffaċċjaw mard serju, sabiex jingħata appoġġ konkret fi żminijiet partikolarment diffiċli.
Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti saħaq kif dan il-ftehim juri kif id-djalogu soċjali jwassal għal titjib konkret fil-ħajja tal-ħaddiema. “Irridu li l-ħaddiema jkollhom l-appoġġ meħtieġ biex ikomplu jħarsu lill-konsumaturi u jsaħħu l-kompetizzjoni ġusta, filwaqt li jgawdu kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw il-ħtiġijiet tagħhom, għalhekk il-Gvern qed ikompli jinvesti fis-Servizz Pubbliku, anke f’mumenti fejn pajjiżi oħra qed inaqqsu dan l-investiment, il-Gvern Malti baqa’ kommess li jinvesti f’dawn il-ħaddiema,” żied jgħid il-Ministru.
Iċ-Chairperson Eżekuttiva tal-MCCAA, Carmen Ciantar, qalet li dan il-Ftehim Kollettiv jirrifletti l-impenn tal-Awtorità li tirrikonoxxi u tinvesti fl-impjegati tagħha, li d-dedikazzjoni, l-għarfien u l-professjonalità tagħhom huma fundamentali għat-twettiq effettiv tal-mandat tal-Awtorità. Żiedet ukoll li kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-kompetenzi, kif ukoll opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali huma essenzjali biex tinżamm forza tax-xogħol motivata u kompetenti. Saħqet li l-investiment fl-impjegati jsaħħaħ il-kapaċità tal-Awtorità li tirrispondi għall-ħtiġijiet li dejjem qed jevolvu tal-konsumaturi u n-negozji.
L-iffirmar ta’ dan il-Ftehim Kollettiv jimmarka pass importanti għall-MCCAA, u jafferma mill-ġdid l-impenn tagħha lejn l-impjegati tagħha, filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-kapaċità tagħha li twettaq ir-responsabbiltajiet regolatorji tagħha, tippromwovi l-kompetizzjoni ġusta u tħares lill-konsumaturi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261920
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261919