STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT KBIR Minn żona ta’ żvilupp għal spazju miftuħ fil-Għargħur
Sit ta’ madwar 1,376 metru kwadru f’żona ta’ żvilupp fl-Għargħur li sa issa ma kienx qed jintuża, qed jiġi trasformat fi spazju miftuħ minn Project Green. Ix-xogħlijiet għaddejjin fi Triq Giovanni Gafà, fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Xwieki. B’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Isport, dan is-sit se jservi bħala spazju ħaj għal kulħadd: post fejn tista’ tirrilassa, tiltaqa’ man-nies jew tagħmel attività fiżika.
Dan tħabbar waqt żjara fuq is-sit mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli flimkien ma’ rappreżentanti tal-Kunsill Lokali tal-Għargħur, il-Kunsill Malti għall-Isport u t-tim ta’ Project Green.
Bħalissa għaddej xogħol fuq bini ta’ ġibjun ta’ madwar 400 metru kubu f’parti minn spazju li snin ilu kienet tintuża bħala barriera. F’dan il-proġett se jkunu qed jitħawwlu mad-39 siġra kif ukoll madwar 129 arbuxell. Xogħol ieħor li se jsir huwa fuq bini ta’ ħajt li jdawwar dan l-ispazju miftuħ u pedamenti fejn se jiġu installati bankijiet u tagħmir għal-logħob u għall-isports. L-ispazju se jkun mgħammar ukoll b’kameras tas-CCTVs, u sistema tad-dawl, biex il-ġnien jitgawda b’mod sigur.
Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli qalet li l-Gvern se jibqa’ jwettaq il-wegħda tiegħu ta’ aktar spazji miftuħa. “Bi spazju miftuħ wara l-ieħor, qed nilħqu lil kulħadd fil-komunitajiet tagħna, miż-żgħar sal-kbar. Hawnhekk fil-Għargħur, dan l-ispazju qed jagħti lir-residenti post fejn iqattgħu l-ħin jagħmlu attività fiżika,” qalet il-Ministru Dalli.
Il-Project Manager ta’ dan il-proġett, David Ellul spjega kif se jkun imfassal is-sit. “Dan l-ispazju miftuħ se jkun maqsum fuq żewġ livelli, magħquda permezz ta’ passaġġ elevat. Iż-żona ta’ fuq se tkun għal min jixtieq iqatta’ ħin għal kwiet filwaqt li l-parti t’isfel se tkun attrezzata b’elementi sportivi tal-OCR,” qal David Ellul.
Is-Sindku Francesca Attard qalet, “Proġetti bħal dawn huma ta’ valur
għall-komunità għax mhux biss qed joħolqu spazji ġodda fejn ir-residenti
jistgħu jqattgħu l-ħin tagħhom, iżda qed itejbu wkoll il-kwalità tal-ambjent
fil-lokalità. Huwa ta’ sodisfazzjon li naraw dawn l-investimenti jsiru realtà
fil-Għargħur, b’benefiċċju mhux biss għar-residenti tagħna, iżda wkoll għal
dawk mil-lokalitajiet tal-madwar. Nirringrazzja lit-tim kollu ta’ Project Green
għall-ħidma u l-impenn tiegħu biex dan il-proġett ikun jista’ jitwettaq.”
Il-proġett fil-Għargħur huwa wieħed mill-proġetti tal-Community Greening Grant.
Other Press Releases:
PR261920
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261919