Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Tkompli tissaħħaħ is-sistema ġudizzjarja b’ħatra ta’ 9 medjaturi oħra fil-Qorti tal-Familja

PR261914
Date Icon 13/11/2026

Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima llum ħatar 9 professjonisti oħra li se jiffurmaw parti mil-lista ta’ medjaturi li jkunu maħtura mill-Qorti abbażi ta’ roster biex jagħmluha ta’ medjaturi fi kwistjonijiet tal-familja.

 

Waqt messaġġ li għadda lil dawn il-professjonisti meta qassmilhom il-warrant, il-Ministru Grima enfasizza l-importanza tal-medjazzjoni bħala komponent ċentrali tas-sistema tal-ġustizzja, intiża li tiffaċilita d-djalogu bejn il-partijiet u tippromwovi soluzzjonijiet li jagħtu prijorità lill-benesseri tal-familji, speċjalment tat-tfal.

 

“Din il-ħatra mhijiex sempliċiment żieda fin-numru ta’ medjaturi, iżda hija miżura konkreta li tirrifletti l-impenn tagħna li nkomplu ntejbu s-servizzi offruti mill-Qorti tal-Familja u, fuq kollox, li nagħmlu l-proċess tal-medjazzjoni aktar effettiv u effiċjenti,” stqarr il-Ministru Grima.

 

Huwa fakkar li fil-bidu tax-xahar li għadda daħlu fis-seħħ il-maġġoranza tar-Regolamenti tal-Proċeduri tal-Qorti tal-Familja 2026 u l-Att tal-2026 li Jemenda Diversi Liġijiet Relatati mal-Istabbiliment tal-Qorti tal-Familja. Dispożizzjonijiet li introduċew riformi sostanzjali fil-mod kif jitmexxew il-proċedimenti tal-familja. Dan, flimkien mal-ħatra ta’ 10 medjaturi oħra, juri l-impenn tal-Gvern f’dan is-settur. Il-ħatra ta’ aktar medjaturi jixhed rikonoxximent tar-rwol kruċjali li għandhom il-medjaturi fil-ħidma li għaddejja lejn sistema ta’ ġustizzja aktar effettiva.

 

Il-Ministru Grima stqarr li l-Qorti tal-Familja tittratta sitwazzjonijiet li ħafna drabi jkunu sensittivi u kumplessi, u li jolqtu direttament il-ħajja personali u familjari tal-individwi involuti. Huwa enfasizza li f'ħafna każijiet, ikun hemm ukoll tfal li l-interessi tagħhom għandhom dejjem jibqgħu ċ-ċentru tal-attenzjoni.

 

“Għalhekk nappella lill-professjonisti kollha fil-qasam tal-liġi tal-familja, inkluż avukati, ħaddiema soċjali, u esperti oħra, biex ikomplu jippromwovu l-medjazzjoni bħala l-aħjar mezz biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kunflitti tal-familja”, qal il-Ministru Clifton Grima, “Iż-żieda ta’ għaxar medjaturi ġodda se tippermetti li jkollna aktar riżorsi disponibbli, aktar kapaċità biex jiġu indirizzati t-talbiet li jitressqu u, fuq kollox, titjib fil-ħinijiet ta’ stennija.”

 

Il-ministru qal li aspett ieħor importanti huwa l-ħtieġa li jiġu onorati t-termini stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-liġi. It-termini legali mhumiex sempliċiment dati fuq kalendarju, iżda garanzija li l-proċeduri jimxu b’ċertezza, b’serjetà u mingħajr dewmien mhux meħtieġ. “Din iż-żieda fir-riżorsi hija wkoll intiża sabiex l-amministrazzjoni tkun tista’ tippjana u torganizza aħjar ix-xogħol tagħha, tindirizza l-volum ta’ xogħol b’mod aktar effettiv u tiżgura li l-proċess tal-medjazzjoni jitwettaq fil-parametri ta’ żmien previsti mil-leġiżlazzjoni,” kompla l-Ministru Grima.

 

 “L-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati għandha rwol essenzjali sabiex tiżgura li l-infrastruttura, ir-riżorsi u l-appoġġ amministrattiv ikunu adegwati għall-ħtiġijiet ta’ sistema ġudizzjarja li qed tevolvi kontinwament” temm jgħid il-Ministru Clifton Grima.

 

Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, Dr Vanessa Grech.

 

 

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI      Tkompli tissaħħaħ is-sistema ġudizzjarja b’ħatra ta’ 9 medjaturi oħra fil-Qorti tal-Familja
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI      Tkompli tissaħħaħ is-sistema ġudizzjarja b’ħatra ta’ 9 medjaturi oħra fil-Qorti tal-Familja
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives, Carmelo Abela, holds bilateral meetings with counterparts from Cyprus and Slovakia

PR261913en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Re...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela jiltaqa’ mal-Ispeakers ta' Ċipru u s-Slovakkja

PR261913

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Car...

Aktar Stqarrijiet Right arrow