STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Enerġija affordabbli ma teżisti imkien ħlief f’Malta u l-garanzija tagħna tibqa’ prezzijiet tal-enerġija stabbli” – Il-Prim Ministru Robert Abela
• Il-Prim Ministru jattendi s-Summit tal-EPC fejn ġew diskussi sfidi marbuta mal-enerġija, il-konnettività u anke l-istabilità fl-Ewropa
“It-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista fl-enerġija tmur id f’id ma’ enerġija aktar affordabbli u dan minħabba l-fatt li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu ta’ tħassib kemm għall-familji kif ukoll għan-negozji. Huwa proprju għalhekk illi Malta qed tuża l-qagħda ġeografika tagħha biex issib soluzzjonijiet li proprju jindirizzaw it-tħassib tal-poplu Malti dwar l-enerġija.”
Dan qalu l-Prim Ministru Robert Abela waqt li indirizza s-Summit tal-Komunità Politika Ewropea (EPC) f’Dublin, l-Irlanda. Id-disa’ summit tal-EPC – bit-tema ‘Europe – strong, secure and connected’ tratta diversi temi, prinċipalment l-enerġija, il-kompetittività u anke l-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja.
Dr Abela spjega li Malta qed tikkoopera kemm mal-Italja għall-interkonnessjoni tal-elettriku taħt il-baħar, filwaqt li l-Gvern qed jesplora l-possibilità ta’ konnessjoni taħt il-baħar mal-Afrika ta’ Fuq għall-importazzjoni ta’ enerġija rinovabbli.
“Daqstant importanti hija l-affordabilità kemm għall-kompetittività u anke għat-tranżizzjoni għal enerġija nadifa,” kompla jgħid Dr Abela.
Qal li llum enerġija affordabbli ma teżisti mkien, apparti Malta fejn il-Gvern qed joffri salvagwardja permezz tas-sussidji fuq l-enerġija u anke l-fuels, li ddeskriva bħala kruċjali għan-nies. Dr Abela esprima sodisfazzjon illi fl-aħħar ġranet il-prezz taż-żejt beda juri sinjali ta’ stabilizzazzjoni. “Għadu kmieni għall-ottimiżmu, imma dawn l-iżviluppi huma xaqq ta’ dawl. Jiġri x’jiġri iżda l-wegħda ċara u l-garanzija tagħna bħala Gvern tibqa’ li nżommu l-prezzijiet stabbli.”
Waqt l-istess Summit il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-intelliġenza artifiċjali u kif is-soluzzjoni mhux li din titrażżan, imma li jsir l-investiment neċessarju fil-ħiliet. Dan qal li jsir bi programmi dwar l-Intelliġenza Artifiċjali kif wettaq il-Gvern, biex aktar nies ikunu mħarrġa. “Konna fuq quddiem bħala pajjiż meta implimentajna strateġija għall-AI u issa se nkunu qed naġġornaw dik l-istess strateġija, biex b’hekk nibqgħu fuq quddiem.”
Il-Prim Ministru saħaq ukoll dwar l-importanza tal-konnettività b’saħħitha fit-trasport għal Malta. “Filwaqt illi tkompli l-ħidma biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, huwa importanti li l-konnettività bl-ajru u bil-baħar tibqa’ affordabbli u affidabbli, partikolarment fejn l-alternattivi huma ftit, bħal f’Malta.”
“Għal Malta għalhekk l-innovazzjoni, il-konnettività u l-enerġija huma marbutin mill-qrib flimkien. B’hekk qed ninvestu fil-ħiliet, it-teknoloġija u l-infrastruttura sabiex l-progress ekonomiku jirriżulta fi kwalità tal-ħajja aħjar. Huwa hawn li tidħol id-dimensjoni Ewropea, is-sħubijiet b’saħħithom li flimkien nistgħu nużaw biex naċċessaw l-informazzjoni u l-konnessjonijiet mas-suq,” qal Dr Abela.
Il-Prim Ministru temm jirrimarka dwar l-importanza tal-preżenza ta’ Malta f’laqgħat bħal dawn bejn il-mexxejja politiċi, li se tkompli bil-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew għada l-Ġimgħa.
Dan huwa d-disa’ Summit tal-EPC. Fost it-temi, ġew diskussi wkoll l-importanza tad-diplomazija fl-Ukrajna u l-inċertezza marbuta mas-sigurtà fl-Ewropa. L-EPC iġib flimkien imsieħba mill-Unjoni Ewropea u anke minn barra sabiex jiddiskutu il-kooperazzjoni fuq diversi temi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261911
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261910