Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Inawgurata l-Librerija Pubblika tal-Imsida f’ambjent ġdid u aktar modern għall-istudenti u l-komunità

PR261910
Date Icon 12/11/2026

• Librerija bi spazju akbar u aktar attrezzat li joffri opportunitajiet ġodda għall-qari, it-tagħlim u attivitajiet edukattivi u rikreattivi


Il-Librerija Pubblika tal-Imsida issa għandha post ġdid fi ħdan l-Iskola Primarja tal-Imsida, fi spazju akbar u aktar modern li joffri ambjent adattat għall-qari, l-istudju u diversi attivitajiet edukattivi u rikreattivi, kemm għall-istudenti kif ukoll għall-komunità kollha.


Il-post il-ġdid ġie inawgurat mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri, u mill-Ministru għall-Gvern Lokali u għax-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Sindku tal-Imsida Charles Selvaggi, waqt attività li għaliha attendew ukoll rappreżentanti tal-Kunsill Lokali u tal-komunità edukattiva tal-Iskola Primarja tal-Imsida.


Ir-rilokazzjoni tal-librerija mill-binja tal-Kunsill Lokali saret wara li ġie identifikat il-bżonn ta’ spazju akbar u aktar adegwat. Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali u l-amministrazzjoni tal-iskola, intlaħaq qbil biex il-librerija titmexxa f’kamra fi ħdan l-iskola primarja li kienet diġà ddisinjata apposta għal dan l-għan.


Din il-bidla qed tippermetti li l-librerija tmur lil hinn mis-servizz tradizzjonali tas-self tal-kotba u ssir spazju aktar dinamiku, fejn it-tfal, iż-żgħażagħ u l-adulti jistgħu jaqraw, jistudjaw, jagħmlu riċerka u jieħdu sehem f’attivitajiet edukattivi u soċjali.


Il-Ministru Byron Camilleri sostna li din l-inizjattiva hija eżempju ta’ kif l-ispazji edukattivi jistgħu jintużaw b’mod li joffru aktar opportunitajiet kemm lill-istudenti kif ukoll lill-komunità.


“L-imħabba għall-qari għandna nibdew inrawmuha sa mill-ewwel snin tal-edukazzjoni. Meta noħolqu ambjent li jħeġġeġ lit-tfal jiskopru l-kotba, jesploraw ideat ġodda u jiżviluppaw il-kurżità tagħhom, inkunu qed ninvestu fl-iżvilupp edukattiv u personali tagħhom. Din il-librerija hija wkoll eżempju ta’ kif l-iskejjel tagħna jistgħu jkomplu jiftħu l-bibien tagħhom għall-komunità, biex ir-riżorsi li għandna jintużaw għall-benefiċċju ta’ aktar nies,” qal il-Ministru Camilleri.


Min-naħa tagħha, il-Ministru Alison Zerafa Civelli enfasizzat l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn il-kunsilli lokali u l-istituzzjonijiet edukattivi biex il-komunitajiet ikollhom aċċess għal servizzi pubbliċi aħjar.


“Il-libreriji pubbliċi huma parti importanti mill-ħajja tal-komunità, għaliex jipprovdu spazju fejn persuni ta’ kull età jistgħu jitgħallmu, jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jqattgħu ħin f’ambjent pożittiv. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali tal-Imsida u l-amministrazzjoni tal-iskola, qed nagħtu ħajja ġdida lil dan is-servizz u niżguraw li l-faċilitajiet pubbliċi jkomplu jservu aħjar lill-komunità. Dan huwa eżempju konkret ta’ kif, meta naħdmu flimkien, nistgħu noħolqu spazji aktar aċċessibbli, inklużivi u ta’ benefiċċju għal kulħadd,” qalet il-Ministru Zerafa Civelli.


Is-Sindku tal-Imsida, Charles Selvaggi, qal: “Illum hija okkażjoni sabiħa hekk kif qed ninawguraw il-librerija fil-post il-ġdid tagħha fl-Imsida. Dan il-proġett huwa frott il-kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali, l-iskola u l-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport, u se jkun ta’ benefiċċju għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri tal-Imsida. Din il-librerija se tkun spazju fejn kemm l-adulti kif ukoll it-tfal tal-iskola jkunu jistgħu jersqu lejn il-qari u jgawdu minn għażla ta’ kotba bil-Malti u b’lingwi oħra.”


Il-Kap tal-Iskola Primarja tal-Imsida, Graziella Vassallo Theuma, qalet: “Huwa ta’ pjaċir kbir għalina li llum qed ninawguraw il-librerija fil-post il-ġdid tagħha fi ħdan l-iskola tagħna. Dan l-ispazju sabiħ u akkoljenti se jkun ta’ benefiċċju għall-komunità skolastika tagħna, li tinkludi madwar 500 student u l-familji tagħhom, kif ukoll għall-komunità kollha tal-Imsida. Hawnhekk, kulħadd se jkollu l-opportunità li jgawdi mill-kotba li għandna u jkompli jrawwem l-imħabba għall-qari.”


Il-faċilitajiet il-ġodda jippermettu l-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ qari, attivitajiet edukattivi għat-tfal, logħob u puzzles, kif ukoll attivitajiet rikreattivi għall-adulti, fosthom iċ-ċess u d-draughts. L-ispazju joffri wkoll ambjent adattat għall-istudju individwali u għar-riċerka.


Bħala parti mit-tħejjijiet għar-rilokazzjoni, il-kotba ġew trasferiti bl-għajnuna tal-ħaddiema tal-Kunsill Lokali, ġew installati sinjali informattivi ġodda u sar titjib estetiku biex il-librerija tkun aktar funzjonali u akkoljenti.


Il-librerija, li ilha topera mill-post il-ġdid għal dawn l-aħħar ġimgħat, hija miftuħa għall-pubbliku tliet darbiet fil-ġimgħa. Bi qbil mal-amministrazzjoni tal-iskola, qed tkun aċċessibbli wkoll matul il-ħinijiet tal-iskola, biex l-istudenti u l-għalliema jkunu jistgħu jagħmlu użu mis-servizzi tagħha u jissellfu l-kotba b’mod regolari.


Waqt l-inawgurazzjoni saret sessjoni ta’ qari mal-istudenti tal-iskola. Iż-żjara kompliet b’żjara madwar l-iskola, li matulha l-Ministri kellhom l-opportunità jsegwu mill-qrib diversi attivitajiet edukattivi, kreattivi u sportivi li fihom kienu qed jieħdu sehem l-istudenti.


STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI  Inawgurata l-Librerija Pubblika tal-Imsida f’ambjent ġdid u aktar modern għall-istudenti u l-komunità
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI  Inawgurata l-Librerija Pubblika tal-Imsida f’ambjent ġdid u aktar modern għall-istudenti u l-komunità
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI  Inawgurata l-Librerija Pubblika tal-Imsida f’ambjent ġdid u aktar modern għall-istudenti u l-komunità
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI  Inawgurata l-Librerija Pubblika tal-Imsida f’ambjent ġdid u aktar modern għall-istudenti u l-komunità
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Enerġija affordabbli ma teżisti imkien ħlief f’Malta u l-garanzija tagħna tibqa’ prezzijiet tal-enerġija stabbli” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261912

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Enerġija affordabbli ma teżisti...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI

PR261911

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

More Press Releases Right arrow