STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Il-Gvern jibda l-implimentazzjoni tal-miżura tal-Manifest Elettorali dwar it-tnissil tan-naħla Maltija u t-tqassim ta’ rġejjen ta’ kwalità għolja
Kemmuna se tiġi stabbilita bħala żona protetta għall-kultivazzjoni tan-naħla tal-għasel ta’ Malta
Il-Gvern qed ikompli jwettaq il-ħidma tiegħu favur is-settur tal-apikultura permezz tal-implimentazzjoni tal-miżura tal-manifest elettorali Int Malta, dik li jespandi l-programm tat-tnissil tan-naħla Maltija u jqassam rġejjen tan-naħal ta’ kwalità għolja lin-naħħala ta’ pajjiżna.
Din il-miżura se titwettaq permezz tal-Maltese Honeybee Conservation and Expansion Programme, li tħabbar bħala parti mir-Rispons Nazzjonali għaż-Żieda fil-Popolazzjoni tal-Bagħal taż-Żunżan Orjentali (Oriental Hornet). Il-Programm huwa inizjattiva fit-tul maħsuba biex iżżid il-popolazzjoni ta’ kolonji ġenetikament verifikati tan-naħla Maltija (Apis mellifera ruttneri), issaħħaħ il-kapaċità lokali għat-tnissil tar-rġejjen, tnaqqas id-dipendenza fuq rġejjen importati u tappoġġja r-riċerka u d-distribuzzjoni tan-naħla Maltija.
Bħala parti mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Programm, binja proprjetà tal-Ministeru f’Kemmuna se tintuża għall-finijiet tat-twaqqif u t-tmexxija ta’ programm strutturat għat-tnissil tan-naħla Maltija, bil-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjoni mhux governattiva lokali attiva f’dan il-qasam. Il-Ministeru se jipprovdi wkoll appoġġ finanzjarju għall-programm, bil-għan li tinħoloq kapaċità sostenibbli ta’ tnissil u produzzjoni ta’ rġejjen ta’ kwalità għolja għan-naħħala Maltin.
Miżura elettorali oħra li qed titwettaq hija dik li tipprevedi li Kemmuna ssir żona protetta għall-kultivazzjoni tan-naħla tal-għasel endemika. Bħala pass konkret fit-twettiq ta’ dan l-impenn, il-Gvern għada se jkun qed jippubblika r-Regolamenti tal-2026 dwar iż-Żona ta’ Konservazzjoni tan-Naħal tal-Għasel ta’ Malta, li permezz tagħhom Kemmuna se tiġi stabbilita bħala żona protetta għall-kultivazzjoni tan-naħla tal-għasel endemika.
Fi ħdan din iż-żona, iż-żamma, it-tnissil, it-tkattir u l-moviment tal-kolonji tan-naħal se jkunu regolati, bil-għan li tiġi mħarsa l-integrità ġenetika tan-naħla tal-għasel ta’ Malta, Apis mellifera ruttneri, u jitnaqqsu r-riskji ta’ ibridizzazzjoni, introgressjoni ġenetika u trażmissjoni ta’ mard. Ir-regolamenti jistabbilixxu wkoll sistema ta’ reġistrazzjoni u awtorizzazzjoni għall-kolonji li jinżammu f’Kemmuna, flimkien ma’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ, spezzjoni u verifika. Kolonja tan-naħal tal-għasel ta’ Malta tkun tista’ tinżamm bħala residenti permanenti fiż-żona biss wara awtorizzazzjoni bil-miktub mid-Direttur responsabbli għall-agrikoltura.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo qal li dan il-qafas regolatorju jirrappreżenta pass ieħor fit-twettiq tal-impenn tal-Gvern favur it-tisħiħ u l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tal-apikultura, filwaqt li joħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa biex Kemmuna jkollha rwol importanti fit-tisħiħ tan-naħla Maltija.
“B’dawn ir-regolamenti qed inwettqu wegħda oħra tal-Manifest Elettorali. Kemmuna se ssir żona protetta għall-kultivazzjoni tan-naħla tal-għasel endemika, fejn l-attivitajiet marbuta mat-trobbija u t-tnissil tan-naħal jiġu amministrati b’mod organizzat, xjentifiku u responsabbli. B’hekk qed noħolqu kundizzjonijiet konkreti biex inħarsu l-integrità ġenetika tan-naħla Maltija, filwaqt li nkomplu nsaħħu s-settur tal-apikultura u noħolqu opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp sostenibbli tiegħu,” qal il-Ministru Anton Refalo.
Ir-regolamenti jiddefinixxu “kolonja tan-naħal tal-għasel ta’ Malta” bħala kolonja b’purità ġenetika ta’ mhux inqas minn 90% attribwibbli lil Apis mellifera ruttneri. Il-metodoloġija xjentifika, il-kriterji u l-proċeduri amministrattivi għad-determinazzjoni tal-purità ġenetika se jiġu stabbiliti permezz ta’ linji gwida tekniċi.
Il-qafas jipprovdi wkoll għal miżuri tranżitorji fir-rigward tal-kolonji mhux indiġeni li jinsabu f’Kemmuna, kif ukoll għal awtorizzazzjonijiet limitati għall-introduzzjoni temporanja u staġjonali tagħhom, soġġetti għal kundizzjonijiet marbuta mal-bijosigurtà, it-traċċabbiltà, il-moviment u l-integrità ġenetika tal-popolazzjoni residenti.
B’dan il-mod, iż-żona protetta għall-kultivazzjoni tan-naħla tal-għasel endemika f’Kemmuna u tal-Programm għall-Konservazzjoni u t-Tkattir tan-Naħla Maltija se jaħdmu b’mod kumplimentari. Il-qafas regolatorju se jipproteġi l-integrità ġenetika tal-popolazzjoni tan-naħal fiż-żona, filwaqt li l-programm ta’ tnissil se jwassal għall-implimentazzjoni konkreta tal-impenn elettorali favur it-tkabbir tal-popolazzjoni tan-naħla Maltija u t-tqassim ta’ rġejjen ta’ kwalità lin-naħħala.
“Qegħdin ngħaqqdu l-protezzjoni mal-azzjoni. Kemmuna se tipprovdi ambjent protett għall-kultivazzjoni tan-naħla tal-għasel endemika, filwaqt li permezz tal-Programm għall-Konservazzjoni u t-Tkattir tan-Naħla Maltija se nibdew inwettqu impenn elettorali konkret, li nkabbru l-programm tat-tnissil tan-naħla Maltija u nsaħħu l-provvista ta’ rġejjen ta’ kwalità għolja lin-naħħala tagħna,” temm jgħid il-Ministru Refalo.
Stqarrijiet Oħra:
PR261911
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261910