STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Ejjew flimkien inkunu ta’ salvagwardja għall-preżent u l-futur tal-popli tagħna” – Il-Prim Ministru Robert Abela
• Il-Prim Ministru jindirizza l-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti (COP31) fit-Turkija
“Hekk kif it-tibdil fil-klima u t-temp estrem qed jaċċelleraw, Malta se tkompli ssaħħaħ is-sigurtà fl-enerġija permezz ta’ titjib fil-grid u aktar investiment fl-enerġija rinnovabbli, inkluż proġetti ta’ teknoloġija offshore u potenzjalment solar PVs, fuq il-baħar ukoll. Dawn isaħħu r-reżiljenza klimatika kif ukoll l-aċċess għal enerġija aktar nadifa.”
Dan stqarru l-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed jindirizza l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC – COP31), f’Antalya, it-Turkija.
Quddiem għexieren ta’ mexxejja internazzjonali, Dr Abela stqarr li r-reżiljenza klimatika jeħtieġ tibqa’ ċentrali fil-politika tal-Gvern u wiegħed li fl-2027 Malta se tibqa’ tiżviluppa l-Pjan Nazzjonali tar-Reżilejnza Klimatika b’azzjonijiet f’10 setturi meqjusin vulnerabbli.
“Dawn jinkludu infrastruttura kritika, bħall-enerġija, l-ilma, is-saħħa, it-trasport u s-sigurtà tal-ikel. Jeħtieġ illi nippreparaw b’mod effettiv għal din ir-realtà b’azzjonijiet immirati għal kull settur,” kompla jgħid il-Prim Ministru.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru rriafferma li Malta tibqa’ kommessa li tilħaq il-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi kif ukoll li tikkontribwixxi għall-isforzi kollettivi u ambizzjużi sabiex ikunu mnaqqsa l-effetti tal-klima.
“Anke f’Malta, bħala Gvern qed nieħdu diversi inizjattivi biex jiġu megħjuna l-familji u n-negozji f’din it-tranżizzjoni,” kompla jgħid Dr Abela. Elenka diversi eżempji, fosthom l-investiment tax-Shore-to-ship għal ekonomija marittima aktar sostenibbli.
Kompla billi fakkar kif fuq livell globali Malta hija wkoll vuċi għal dawk il-pajjiżi li huma affettwati miż-żieda fil-livell tal-baħar u qal li l-Gvern Malti se jkompli jagħti prijorità lill-assistenza għal gżejjer stati żgħar bħal Malta li għandhom ċirkostanzi ġeografiċi u problemi klimatiċi komuni.
“Malta tappella għal finanzjament marbut mal-klima li jkun aċċessibbli għal dawk l-Istati li huma l-aktar vulnerabbli,” qal Dr Abela.
Il-Prim Ministru fakkar kif inizjattiva Maltija fl-1988 kienet iddikjarat it-tibdil fil-klima bħala sfida komuni tal-umanità. “Kważi 40 sena wara nħeġġeġ biex inkomplu f’din id-direzzjoni f’dan il-COP31 u agħtu prova li l-multilateriżmu huwa l-aqwa għodda biex niġġieldu din it-theddida. Ejjew nagħtu lill-popli tagħna dak li jixirqilhom.”
“Ejjew flimkien nissalvagwardjaw il-preżent u l-futur,” temm jgħid il-Prim Ministru.
Il-Konvenzjoni tlaqqgħet fil-kuntest ta’ żewġ avveniment ġeopolitiċi, jiġifieri l-għeluq tal-Istrett ta’ Hormuz li wassal għall-instabilità fis-suq tal-enerġija kif ukoll it-tisħiħ ta’ fenomeni marbuta mat-tibdil fil-klima, inkluż mewġiet rekord ta’ sħana.
Stqarrijiet Oħra:
PR261912
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Enerġija affordabbli ma teżisti...
PR261911