STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI Rekord ġdid ta’ attendenza għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb b’aktar minn 43,000 viżitatur
Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2026 irreġistra rekord ġdid ta’ attendenza, hekk kif 43,400 persuna żaru l-edizzjoni ta’ din is-sena, organizzata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bejn l-4 u t-8 ta’ Novembru fiċ-Ċentru tal-Fieri u l-Konvenzjonijiet ta’ Malta (MFCC), f’Ta’ Qali.
Din iċ-ċifra tirrappreżenta żieda ta’ viżitaturi meta mqabbla mas-sena preċedenti u tkompli tikkonferma l-importanza ta’ dan il-Festival bħala pjattaforma nazzjonali għall-promozzjoni tal-qari, il-letteratura u l-industrija tal-ktieb f’Malta.
Wieħed mill-aspetti ewlenin ta’ din l-edizzjoni kien is-suċċess tal-iskema tal-vawċers ta’ €20 għall-istudenti tal-iskejjel primarji u sekondarji, li permezz tagħha ġew utilizzati 19,000 vawċer, żieda ta’ 4,000 fuq is-sena li għaddiet. Dan ifisser li permezz ta’ din l-inizjattiva, €380,000 ġew diretti lejn ix-xiri ta’ kotba mingħand pubblikaturi u bejjiegħa tal-kotba lokali.
Din l-iskema qed tikkontribwixxi sabiex il-kotba jsiru aktar aċċessibbli għat-tfal u ż-żgħażagħ, filwaqt li fl-istess ħin tipprovdi sostenn dirett lis-settur tal-pubblikazzjoni u l-bejgħ tal-kotba f’Malta.
Taħt it-tema Uncover the Story, il-Festival laqqa’ flimkien aktar minn 40 pubblikatur, bejjiegħ tal-kotba, organizzazzjoni mhux governattiva u entitajiet oħra, filwaqt li offra programm ta’ aktar minn 60 attività kulturali, letterarja u edukattiva għal persuni ta’ etajiet differenti.
Matul il-Festival ingħatat ukoll prominenza lil pubblikazzjonijiet li bbenefikaw mill-Fond Nazzjonali tal-Ktieb u mill-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, kif ukoll lil adattamenti teatrali ta’ kotba Maltin immirati lejn udjenzi żgħażagħ. Dan kompla jsaħħaħ ir-rabta bejn il-letteratura, l-edukazzjoni u forom differenti ta’ espressjoni artistika.
Is-suċċess ta’ din l-edizzjoni jirrifletti l-ħidma kontinwa tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb sabiex jippromwovi kultura ta’ qari fost il-pubbliku, jappoġġja lill-awturi u lill-pubblikaturi lokali, u jkompli joħloq opportunitajiet għall-iżvilupp tas-settur letterarju Malti.
F’konformità mal-Viżjoni Strateġika 2025–2030 tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, il-ħidma se tkompli sabiex il-Festival ikompli jikber u jiżviluppa, filwaqt li joffri esperjenzi kulturali u edukattivi ta’ kwalità u ambjent li fih is-settur letterarju jkun jista’ jkompli jissaħħaħ.
Il-Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali jibqa’ impenjat li jkompli jappoġġja inizjattivi li jippromwovu l-qari, isaħħu l-aċċess għall-kultura u jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tas-settur kulturali u kreattiv f’Malta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261900
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-MOBBILTÀ SOSTENIBBLI Malta Miegħek: Titnied...
PR261899en