Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-MOBBILTÀ SOSTENIBBLI Malta Miegħek: Titnieda l-Istrateġija Nazzjonali għaċ-Ċikliżmu 2026–2036

PR261900
Date Icon 11/11/2026

Il-Ministeru għall-Mobbiltà Sostenibbli nieda l-Istrateġija Nazzjonali għaċ-Ċikliżmu 2026–2036, bil-għan li r-rota ssir għażla aktar sigura, prattika u aċċessibbli għall-ivvjaġġar ta’ kuljum f’Malta u Għawdex. L-istrateġija tifforma parti mill-viżjoni usa’ ta’ Malta in Motion sabiex il-pubbliku jkollu aktar għażliet ta’ trasport.

 

L-istrateġija hija mibnija fuq ħames pilastri ewlenin li jindirizzaw l-iżvilupp ta’ infrastruttura konnessa għar-roti, it-titjib tal-faċilitajiet għaċ-ċiklisti, is-sigurtà u l-infurzar fit-toroq, l-edukazzjoni u l-għarfien, kif ukoll miżuri li jħeġġu aktar nies jużaw ir-rota. Fil-qalba tagħha hemm il-ħolqien ta’ Network Nazzjonali ta’ Rotot għar-Roti, li għandu jgħaqqad aħjar iż-żoni residenzjali, l-iskejjel, il-postijiet tax-xogħol u l-punti tat-trasport pubbliku.

 

Il-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli Chris Bonett sostna li l-għan tal-Gvern mhuwiex li jimponi mezz wieħed ta’ trasport, iżda li joħloq il-kundizzjonijiet biex in-nies ikollhom aktar alternattivi. “Il-futur tat-trasport f’pajjiżna ma jistax jitkejjel biss minn kemm nibnu toroq jew minn kemm karozzi jkunu jistgħu jgħaddu minnhom. Irridu nkejluh ukoll minn kemm in-nies ikollhom għażliet reali biex jaslu fejn għandhom bżonn,” qal il-Ministru Bonett.

 

Il-Ministru Bonett għamel referenza wkoll għall-viżjoni tal-Gvern kif riflessa fil-Budget 2027 li tpoġġi l-ħtiġijiet tan-nies u l-kwalità tal-ħajja fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu. Huwa sostna li l-Istrateġija Nazzjonali għaċ-Ċikliżmu hija pass ieħor f’din id-direzzjoni, hekk kif il-Gvern qed ikompli jaħdem biex joħloq aktar għażliet ta’ trasport li jkunu siguri, prattiċi u sostenibbli.

 

Permezz ta’ din l-istrateġija, il-Gvern qed jistabbilixxi pjan fit-tul li jmur lil hinn mill-ħolqien ta’ korsiji ġodda għar-roti, billi jindirizza wkoll il-ħtieġa ta’ konnessjonijiet aħjar, aktar sigurtà u faċilitajiet adegwati. Dan sabiex aktar nies ikunu jistgħu jikkunsidraw ir-rota bħala mezz ta’ trasport għall-vjaġġi tagħhom ta’ kuljum.

 

Min-naħa tagħha, Stephanie Bonello, Kap tal-Pjan Malta in Motion, enfasizzat l-importanza li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex aktar nies ikunu jistgħu jagħżlu r-rota.

 

“Jekk irridu li aktar nies jużaw ir-rota, irridu l-ewwel noħolqu l-kundizzjonijiet biex jagħmlu dan b’mod sigur. Din hija r-raġuni wara l-Istrateġija Nazzjonali għaċ-Ċikliżmu. Irridu nibnu network ta’ rotot konnessi, intejbu l-faċilitajiet, insaħħu s-sigurtà u norbtu aħjar iċ-ċikliżmu mat-trasport pubbliku. Iżda importanti daqs l-infrastruttura huwa r-rispett reċiproku bejn dawk kollha li jużaw it-toroq tagħna. Il-mira tagħna mhijiex sempliċiment li jkollna aktar korsiji għar-roti, iżda li nagħmlu ċ-ċikliżmu għażla reali u sigura għall-vjaġġi ta’ kuljum,” qalet Dr Bonello.

 

Fost il-miżuri previsti fl-istrateġija hemm faċilitajiet aħjar għall-parkeġġ tar-roti, konnessjonijiet mat-terminals tat-trasport pubbliku, programmi ta’ taħriġ għat-tfal u għall-adulti, kif ukoll proġett pilota biex studenti jkunu jistgħu jmorru l-iskola flimkien bir-rota. L-istrateġija tipprevedi wkoll l-iżvilupp ta’ linji gwida għall-infrastruttura taċ-ċikliżmu adattati għall-kundizzjonijiet tat-toroq Maltin.

 

L-implimentazzjoni tal-istrateġija se titmexxa minn Malta in Motion u Transport Malta, b’kollaborazzjoni mal-entitajiet governattivi, il-kunsilli lokali u l-partijiet interessati, sabiex iċ-ċikliżmu jsir parti aktar integrata mis-sistema tat-trasport f’pajjiżna.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-MOBBILTÀ SOSTENIBBLI  Malta Miegħek: Titnieda l-Istrateġija Nazzjonali għaċ-Ċikliżmu 2026–2036
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-MOBBILTÀ SOSTENIBBLI  Malta Miegħek: Titnieda l-Istrateġija Nazzjonali għaċ-Ċikliżmu 2026–2036
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI  Rekord ġdid ta’ attendenza għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb b’aktar minn 43,000 viżitatur

PR261901

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI Rekord...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  The Second Contact Committee Activity on Migration

PR261899en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE The Second Contact Committee Ac...

More Press Releases Right arrow