Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Malta Miegħek: Investiment ta’ aktar minn €5 miljun f’binja ġdida għall-Qorti tal-Appell Kriminali

PR261898
Date Icon 11/11/2026

Il-proġett se jinkludi tliet awli ġodda, uffiċċji għall-ġudikatura u spazji apposta għall-vittmi

 

Għaddej b’ritmu tajjeb ix-xogħol fuq il-binja l-ġdida tal-Qorti tal-Appell Kriminali fi Triq id-Dejqa, il-Belt Valletta, b’investiment ta’ aktar minn €5.1 miljun. Dan il-proġett se jwassal għal infrastruttura ġudizzjarja aktar moderna u speċjalizzata, filwaqt li joħloq aktar spazju fil-binja prinċipali tal-Qrati sabiex tkun tista’ tiżdied il-kapaċità operattiva tagħhom.

 

Dan l-investiment huwa wkoll riflessjoni konkreta tal-viżjoni tal-Budget 2027, bit-tema Malta Miegħek, fejn il-ħtiġijiet taċ-ċittadini jibqgħu fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Gvern. Fil-qasam tal-ġustizzja, din il-viżjoni qed tissarraf f’investimenti li jsaħħu l-infrastruttura tal-Qrati u jwasslu għal servizz aktar modern, effiċjenti u aċċessibbli għal kulħadd.

 

Il-proġett, li qed jitwettaq mill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, se jinkludi tliet awli moderni, uffiċċji għall-membri tal-ġudikatura u għall-ħaddiema amministrattivi, kif ukoll Reġistru u Arkivju dedikati għall-Qorti tal-Appell Kriminali. Dawn il-faċilitajiet se jippermettu ġestjoni aktar organizzata u effiċjenti tad-dokumenti u tal-atti marbuta mal-proċeduri tal-appell.

 

Il-binja se tinkludi wkoll spazju apposta għall-vittmi, iddisinjat biex joffri ambjent sigur u dinjituż, b’separazzjoni mill-partijiet l-oħra involuti fil-proċeduri ġudizzjarji.

 

Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima sostna li dan l-investiment huwa parti mill-ħidma kontinwa biex il-Qrati Maltin ikollhom l-infrastruttura u r-riżorsi meħtieġa sabiex joffru servizz aktar effiċjenti u aċċessibbli.

 

“Meta ninvestu fl-infrastruttura tal-Qrati, inkunu qed ninvestu direttament f’servizz aħjar ta’ ġustizzja għaċ-ċittadin. Dan il-proġett mhux biss se jagħti lill-Qorti tal-Appell Kriminali binja mgħammra apposta għall-ħtiġijiet tagħha, iżda se jippermettilna wkoll nagħmlu użu aħjar mill-ispazju fil-binja prinċipali tal-Qrati. B’hekk inkunu qed noħolqu aktar opportunitajiet biex jiġu akkomodati s-seduti u nkomplu nsaħħu l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja,” qal il-Ministru Grima.

 

Huwa enfasizza wkoll l-importanza li l-infrastruttura ġudizzjarja tirrispondi għall-ħtiġijiet ta’ kull min juża s-servizzi tal-Qrati. “Il-ġustizzja mhijiex biss dak li jiġri fl-awla, iżda wkoll l-ambjent li fih jingħata s-servizz. Għalhekk, f’dan il-proġett qed nagħtu attenzjoni wkoll lill-bżonnijiet tal-vittmi, biex ikollhom spazju sigur u dinjituż. Irridu Qrati li jkunu mgħammra għall-ħtiġijiet tal-lum u ta’ għada,” sostna l-Ministru.

 

Is-sit li fuqu qed tinbena l-binja l-ġdida ġie akkwistat mill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati f’Ottubru tal-2020. Wara li nkisbu l-permessi meħtieġa, f’Jannar tal-2025 ingħatat l-ordni biex jibdew ix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ u bini mill-ġdid. Minkejja l-isfidi marbuta mat-twettiq ta’ proġett ta’ din in-natura f’żona storika u sensittiva tal-Belt Valletta, ix-xogħlijiet qed javvanzaw b’ritmu tajjeb.

 

Il-proġett jinkludi wkoll l-installazzjonijiet u l-irfinar tal-binja, flimkien mal-għamara, it-tagħmir tal-awdjo u l-magni tal-X-ray.

 

Dan il-proġett jagħmel parti mill-pjan strateġiku tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati għat-tisħiħ u l-immodernizzar tal-infrastruttura ġudizzjarja. Permezz ta’ binja dedikata għall-Qorti tal-Appell Kriminali, se jkompli jissaħħaħ il-proċess ta’ speċjalizzazzjoni fi ħdan il-Qrati, filwaqt li l-ispazju li jinħeles fil-binja prinċipali jkun jista’ jintuża għal aktar seduti.

 

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jibqa’ impenjat li jkompli jinvesti f’infrastruttura moderna u f’servizzi ġudizzjarji aktar effiċjenti, aċċessibbli u dinjitużi għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  Malta Miegħek: Investiment ta’ aktar minn €5 miljun f’binja ġdida għall-Qorti tal-Appell Kriminali
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  Malta Miegħek: Investiment ta’ aktar minn €5 miljun f’binja ġdida għall-Qorti tal-Appell Kriminali
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  Malta Miegħek: Investiment ta’ aktar minn €5 miljun f’binja ġdida għall-Qorti tal-Appell Kriminali
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI  Rekord ġdid ta’ attendenza għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb b’aktar minn 43,000 viżitatur

PR261901

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI Rekord...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-MOBBILTÀ SOSTENIBBLI  Malta Miegħek: Titnieda l-Istrateġija Nazzjonali għaċ-Ċikliżmu 2026–2036

PR261900

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-MOBBILTÀ SOSTENIBBLI Malta Miegħek: Titnied...

Aktar Stqarrijiet Right arrow