STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fi Brussell, il-Ministru Clint Camilleri jinsisti sabiex il-politiki Ewropej jirriflettu r-realtajiet tal-gżejjer
Waqt intervent quddiem il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (IMCO), fi Brussell, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li l-insularità m’għandhiex issir ostaklu għall-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini u n-negozji fis-Suq Ħieles Ewropew.
Il-Ministru Camilleri enfasizza li stati u reġjuni gżejjer jiffaċċjaw spejjeż strutturali marbuta mat-trasport, il-loġistika u d-dipendenza fuq il-konnettività marittima u bl-ajru. Għal Malta u b’mod partikolari għal Għawdex, dawn l-isfidi jiżdiedu minħabba r-realtà tal-insularità doppja. Waqt l-istess laqgħa huwa qal li l-għan ewlieni huwa li jiġi żgurat li pajjiżi gżejjer bħal Malta u Għawdex ikollhom l-istess opportunitajiet bħall-pajjiżi l-oħra Ewropej, minkejja l-ispejjeż addizzjonali li jiffaċċjaw.
“Malta u Għawdex m’għandhomx l-istess aċċess dirett li għandhom il-pajjiżi kontinentali Ewropej permezz ta’ highways u railways. Aħna niddependu mill-portijiet u mill-konnettività bl-ajru sabiex inkunu nistgħu nilħqu l-kontinent Ewropew. Għaldaqstant, irridu niżguraw li pajjiżna jkun kompetittiv bl-istess mod bħal pajjiżi oħra Ewropej, u li n-negozji tagħna jkollhom il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkompetu b’mod ekwu. Dan jgħodd ukoll għall-konsumaturi tagħna, li għandhom ikollhom l-istess opportunitajiet u aċċess bħall-konsumaturi Ewropej l-oħra. Ma nistgħux nassumu li l-applikazzjoni tal-istess regoli għal territorji b’realtajiet ġeografiċi differenti twassal awtomatikament għal opportunitajiet indaqs. Dan mhux każ ta’ trattament preferenzjali, iżda li niżguraw kundizzjonijiet ġusti għaċ-ċittadini u n-negozji tal-gżejjer,” stqarr il-Ministru Clint Camilleri.
F’dan il-kuntest, il-Ministru appella sabiex il-prinċipju tal-island-proofing jiġi integrat b’mod sistematiku fil-politiki Ewropej, u sabiex l-Unjoni Ewropea tagħti prijorità lil konnettività affordabbli u affidabbli, infrastruttura marittima reżiljenti u flessibbiltà xierqa fil-finanzjament u fl-għajnuna mill-Istat.
Huwa enfasizza wkoll il-ħtieġa għal aktar flessibbiltà fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (State Aid), sabiex in-negozji fil-gżejjer ikollhom l-għodod u l-inċentivi meħtieġa biex jikkompetu fuq l-istess livell ma’ negozji oħra fis-Suq Ħieles Ewropew.
Il-Ministru tenna li, filwaqt li Malta tappoġġa l-miri Ewropej tad-dekarbonizzazzjoni, miżuri bħall-ETS u l-FuelEU Maritime għandhom iqisu d-dipendenza essenzjali tal-gżejjer fuq il-konnettività marittima.
“Se nkomplu naħdmu sabiex il-vuċi ta’ gżejjer bħalma huma Malta u Għawdex tibqa’ fuq quddiem tal-aġenda mhux biss ta’ pajjiżna, iżda wkoll tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa partikolarment importanti għal Għawdex, li jaffaċċja r-realtà tal-insularità doppja,” kompla jgħid il-Ministru Camilleri.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi appella sabiex l-Istrateġija Ewropea għall-Gżejjer tirrikonoxxi b’mod ċar l-isfidi tal-insularità doppja, sabiex ir-realtajiet partikolari ta’ gżejjer bħal Għawdex ikunu riflessi aħjar fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki Ewropej.
Other Press Releases:
PR261897
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR261895