Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA “Ġurnata b’Ġurnata” – ktieb li jwassal messaġġ ta’ tama, kuraġġ u bidu ġdid

PR261876
Date Icon 07/11/2026

Il-ktieb Ġurnata b’Ġurnata, miktub minn Clifford Galea u mill-awtur Glen Calleja li ħa ħsieb il-proġett, huwa pubblikazzjoni li jistieden lill-qarrej jirrifletti dwar il-ħajja, l-isfidi li jiltaqa’ magħhom il-bniedem u l-importanza li wieħed jibqa’ jħares ’il quddiem, minkejja l-esperjenzi diffiċli tal-passat.

Permezz ta’ riflessjonijiet dwar il-ħajja, it-tama u l-vjaġġ personali tal-bniedem, l-awtur ifittex li jwassal messaġġ pożittiv u realistiku dwar il-possibbiltà tal-bidla, l-irkupru u t-tkabbir personali. Il-ktieb jitlaq mill-ħsieb li l-passat, minkejja li jibqa’ parti mill-istorja ta’ kull individwu, m’għandux għalfejn jiddetermina l-futur tiegħu.

Il-pubblikazzjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-importanza li wieħed jitgħallem jgħix jum wara jum, filwaqt li jagħraf li l-mixja lejn ħajja aħjar mhux dejjem tkun waħda faċli jew mingħajr ostakli. Madankollu, kull ġurnata ġġib magħha opportunità ġdida biex wieħed jerġa’ jibda, isaħħaħ il-fiduċja fih innifsu u jkompli jibni futur aħjar.

Il-ktieb għandu wkoll dimensjoni soċjali importanti, partikolarment fil-kuntest tal-irkupru mid-dipendenza, fejn il-messaġġ ta’ tama, perseveranza u appoġġ jista’ jagħmel differenza fil-ħajja ta’ persuni li jkunu għaddejjin minn ċirkustanzi diffiċli. Huwa wkoll stedina lis-soċjetà biex tħares lejn dawn l-individwi b’aktar empatija, rispett u għarfien, mingħajr ġudizzji jew stigma.

Dan il-proġett editorjali sar possibbli bl-għajnuna u l-appoġġ tal-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Familja u tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS). L-awtur kellu wkoll l-opportunità jippreżenta kopja tal-pubblikazzjoni lill-Ministru Falzon, bħala ġest ta’ apprezzament għall-fiduċja u l-appoġġ mogħti lil din l-inizjattiva.

Il-Ministru Michael Falzon faħħar lil Clifford Galea li ħa din l-inizjattiva bil-għan li jgħin persuni oħra li jkunu għaddejjin minn ċirkustanzi diffiċli minħabba d-dipendenza fuq id-droga u jwassalhom messaġġ ta’ tama. Huwa saħaq li l-Gvern jinvesti miljuni ta’ ewro fis-sena f'dak li għandu x'jaqsam mar-riabilitazzjoni mid-droga filwaqt li elenka numru ta' servizzi speċjalizzati li qed jagħmlu d-differenza mixtieqa. 

“Dan hu gvern li ma jħalli lil ħadd waħdu, lanqas jekk dawn il-każijiet ma jirriflettux il-maġġoranzi. L-għajnuna tinsab hemm u qiegħda hemm għal kulħadd mingħajr ħlas,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA “Ġurnata b’Ġurnata” – ktieb li jwassal messaġġ ta’ tama, kuraġġ u bidu ġdid
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI  Rekord ġdid ta’ attendenza għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb b’aktar minn 43,000 viżitatur

PR261901

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI Rekord...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-MOBBILTÀ SOSTENIBBLI  Malta Miegħek: Titnieda l-Istrateġija Nazzjonali għaċ-Ċikliżmu 2026–2036

PR261900

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-MOBBILTÀ SOSTENIBBLI Malta Miegħek: Titnied...

Aktar Stqarrijiet Right arrow