Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker jiltaqa’ mal-MHRA biex jiddiskuti r-rwol tal-Parlament u s-settur turistiku

pr261869
Date Icon 06/11/2026

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, iltaqa' ma' rappreżentanti tal-Malta Hotels and Restaurants Association (MHRA), bħala parti minn sensiela ta' laqgħat ma' diversi setturi tas-soċjetà, bil-għan li jisma' direttament il-perspettivi, l-esperjenzi u l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Matul il-laqgħa ġew diskussi r-rwol tal-Parlament bħala istituzzjoni miftuħa u aċċessibbli, l-importanza tal-parteċipazzjoni tas-setturi differenti fil-proċess demokratiku, kif ukoll l-isfidi internazzjonali.

L-Ispeaker enfasizza li l-Parlament għandu jkompli jiftaħ il-bibien tiegħu għas-soċjetà, mhux biss billi jilqa' lil dawk li jixtiequ jiltaqgħu mal-istituzzjoni, iżda wkoll billi jżur organizzazzjonijiet u setturi differenti fuq il-post. F'dan il-kuntest, spjega li l-kumitati parlamentari jwettqu ħidma sostanzjali li mhux dejjem tingħata l-attenzjoni mistħoqqa, u li dawn jipprovdu opportunità importanti biex għaqdiet, NGOs u individwi, irrispettivament min-natura tagħhom, jipparteċipaw u jesprimu l-fehmiet tagħhom.

Dwar il-ħidma parlamentari fuq livell Ewropew, ġiet diskussa wkoll l-importanza tal-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, bħala opportunità għal diskussjoni fuq proposti leġiżlattivi li jiġu mill-Unjoni Ewropea. L-Ispeaker saħaq fuq il-ħtieġa li din it-tip ta' sħubija tkompli tissaħħaħ u tiġi żviluppata, filwaqt li tinżamm relazzjoni tajba u produttiva bejn il-partijiet.

Min-naħa tagħha, l-MHRA laqgħet b'mod pożittiv din il-laqgħa u saħqet fuq l-importanza li d-demokrazija titħaddem kuljum permezz tal-parteċipazzjoni u d-djalogu. Il-President tal-Assoċjazzjoni, Tony Zahra, f'isem l-Assoċjazzjoni, apprezza l-opportunità li s-settur ikollu sehem fil-proċess parlamentari, partikolarment permezz tal-kumitati, fejn ikun jista' jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu dwar leġiżlazzjoni li taffettwa direttament l-industrija.

L-MHRA enfasizzat li, minħabba l-għadd sostanzjali ta' liġijiet u regolamenti li jolqtu lis-settur, huwa importanti li jkun hemm mekkaniżmu aktar effettiv biex l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jidentifikaw u jikkontribwixxu dwar il-proposti leġiżlattivi rilevanti għalihom. Ġie diskuss ukoll kif id-djalogu bejn l-industrija u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jista' jsir aktar dirett, u b'mod produttiv għal ġid tas-settur.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA, Andrew Agius Muscat, enfasizza li l-laqgħat ta' dan it-tip għandhom iservu ta' pont aktar b'saħħtu bejn il-Parlament u l-industrija turistika. Saħaq li t-turiżmu ma jistax jitqies bħala responsabbiltà tal-Ministeru għat-Turiżmu, iżda huwa ekosistema li tmiss ma' diversi oqsma tal-ħajja nazzjonali. Għaldaqstant, hemm bżonn ta' komunikazzjoni u konsultazzjoni wiesgħa, kemm ma' entitajiet lokali kif ukoll ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.

F'dan ir-rigward, l-MHRA spjegat li qed taħdem biex Malta tissaħħaħ bħala ċentru ta' diskussjoni u qsim ta' għarfien fil-Mediterran. Din il-viżjoni se tkun parti mill-Mediterranean Tourism Forum li se jsir matul dan ix-xahar, bl-għan li Malta tilqa' esperti u personalitajiet minn oqsma differenti biex jaqsmu l-aħjar prattiki u jippreżentaw inizjattivi ġodda.

L-Assoċjazzjoni spjegat ukoll li l-ħidma tagħha testendi lil hinn mill-industrija tal-lukandi u r-ristoranti, billi t-turiżmu huwa marbut ma' diversi servizzi u istituzzjonijiet oħra. Għaldaqstant, il-kooperazzjoni bejn id-diversi entitajiet hija essenzjali biex Malta toffri esperjenza turistika ta' kwalità. Ġew diskussi wkoll diversi kwistjonijiet li jolqtu kemm lil Malta kif ukoll lil Għawdex.

L-Ispeaker tenna l-importanza li l-Parlament jibqa' spazju fejn il-fehmiet differenti jkunu jistgħu jinstemgħu u jiġu diskussi b'mod demokratiku. Irrimarka li r-regoli u l-proċeduri tal-Kamra għandhom jiggarantixxu li kull Membru Parlamentari jkollu l-opportunità li jwettaq il-mandat tiegħu u jesprimi l-fehmiet tiegħu, filwaqt li s-Sedja tiżgura l-ispazju meħtieġ għal dan il-għan.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker jiltaqa’ mal-MHRA biex jiddiskuti r-rwol tal-Parlament u s-settur turistiku
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker jiltaqa’ mal-MHRA biex jiddiskuti r-rwol tal-Parlament u s-settur turistiku
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI  Rekord ġdid ta’ attendenza għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb b’aktar minn 43,000 viżitatur

PR261901

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI Rekord...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-MOBBILTÀ SOSTENIBBLI  Malta Miegħek: Titnieda l-Istrateġija Nazzjonali għaċ-Ċikliżmu 2026–2036

PR261900

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-MOBBILTÀ SOSTENIBBLI Malta Miegħek: Titnied...

More Press Releases Right arrow