Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Malta Miegħek: L-akbar investiment fl-enerġija, l-ilma u l-ambjent biex tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tal-familji

pr261867
Date Icon 06/11/2026

“Qed nipproteġu lill-familji llum, filwaqt li nibnu Malta aktar b'saħħitha għal għada"- il-Ministru Miriam Dalli

Provvista tal-elettriku aktar affidabbli, aktar investiment fl-enerġija nadifa, infrastruttura tal-ilma aktar b'saħħitha u aktar spazji miftuħa għall-familji. Dawn huma fost il-prijoritajiet tal-Budget 2027 għall-qasam tal-enerġija u l-ambjent, li se jkompli jgħaqqad il-protezzjoni tal-familji mill-pressjonijiet internazzjonali ma' investimenti strateġiċi għall-futur ta' Malta.

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar Budget 2027.

Il-Ministru spjegat kif il-Budget jalloka lill-Ministeru l-akbar vot kapitali, b'investiment ta' aktar minn €370 miljun. Fl-istess waqt, il-Gvern se jkompli jipproteġi lill-familji u lin-negozji mill-varjazzjonijiet fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija, permezz ta' €400 miljun oħra f'sussidji.

“Il-politika tagħna hija waħda ċara: nipproteġu lill-familji mill-pressjonijiet tal-lum, filwaqt li ninvestu fl-infrastruttura li pajjiżna għandu bżonn għall-futur. Dan huwa l-prinċipju ta' Malta Miegħek: pajjiż li jimxi 'l quddiem u jmexxi lin-nies miegħu," sostniet il-Ministru Dalli.

Fil-qasam tal-enerġija, se jkompli t-tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku, b'aktar substations, cables u ċentri tad-distribuzzjoni. Fl-istess waqt, il-Gvern se jkompli javvanza proġetti strateġiċi bħat-tieni interconnector, il-ħażna tal-enerġija permezz tal-batteriji u l-iżvilupp ta' sorsi ġodda ta' enerġija rinnovabbli.

Se jkomplu wkoll l-iskemi li jgħinu lill-familji jinvestu f'enerġija nadifa u jużaw l-enerġija u l-ilma b'mod aktar effiċjenti, biex it-tranżizzjoni ambjentali tkun opportunità għal kulħadd.

Fil-qasam tal-ilma, l-investimenti se jiffukaw fuq aktar kapaċità ta' produzzjoni, infrastruttura moderna u titjib fit-trattament tad-drenaġġ. Se tkompli wkoll l-espansjoni tan-New Water, biex jissaħħaħ l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma.

Fil-qasam tal-ambjent, il-Gvern se jkompli jinvesti f'sistemi moderni għall-immaniġġjar tal-iskart, fil-ħarsien tan-natura u fil-ħolqien ta' aktar spazji miftuħa. Il-ħidma tinkludi wkoll il-proġetti għall-parks nazzjonali f'Manoel Island, White Rocks u Fort Campbell.

Il-Ministru Dalli enfasizzat li l-investimenti huma mmirati biex it-tkabbir ekonomiku jissarraf f'benefiċċji konkreti għall-familji. “Is-suċċess ta' pajjiż ma jitkejjilx biss mit-tkabbir ekonomiku, iżda minn kemm dak it-tkabbir itejjeb il-ħajja tan-nies. Qed ninvestu f'servizzi u infrastruttura aħjar, f'ambjent aktar sabiħ u f'futur aktar sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin," temmet tgħid il-Ministru Dalli.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Malta Miegħek: L-akbar investiment fl-enerġija, l-ilma u l-ambjent biex tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tal-familji
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI  Rekord ġdid ta’ attendenza għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb b’aktar minn 43,000 viżitatur

PR261901

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI Rekord...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-MOBBILTÀ SOSTENIBBLI  Malta Miegħek: Titnieda l-Istrateġija Nazzjonali għaċ-Ċikliżmu 2026–2036

PR261900

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-MOBBILTÀ SOSTENIBBLI Malta Miegħek: Titnied...

Aktar Stqarrijiet Right arrow